Dillon Cassar ta’ Mellieħa AC rebaħ il-Kampjonat Nazzjonali tal-10km għat-tieni sena konsekuttiva wara li temm r-rotta ċertifikata minn World Athletics ta’ Ħal Far f’ħin ta’ 30 minuta 35 sekonda, rekord għal din ir-rotta. Luke Micallef (Pembroke) daħal fit-tieni post b’30’52. Fost in-nisa, l-unur mar għand Lisa Bezzina (Pembroke) f’35’57, li għelbet l-isfida ta’ Joelle Cortis f’ħin ta’ 36’03.
Aħbar pożittiva għall-atletika Maltija huwa l-fatt li l-ewwel żewġ atleti nisa u rġiel permezz ta’ din it-tellieqa kisbu ħin li jikkwalifikahom biex jirrappreżentaw lil Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fuq din id-distanza. Il-fatt li ġrew dawn il-ħinijiet kwalifikattivi tant kmieni fl-istaġun huwa wkoll sinjal tajjeb tal-kwalità li qegħdin joffru dawn l-atleti.
Din it-tellieqa kienet valida wkoll bħala t-tieni waħda fil-kalendarju tar-Road Running Series ta’ Athletics Malta. Hekk kif kemm fil-kategorija tal-irġiel kif ukoll tan-nisa l-ewwel żewġ tlielaq intrebħu minn atleti differenti, din is-Serje se tidħol għall-aħħar żewġ avvenimenti b’kollox għadu miftuħ fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika.
Fost iż-żgħażagħ, doppjetta għall-atleti ta’ Evolve EC, b’Gabriel Farrugia wara r-rekord f’Monaco ġimgħa qabel u Kyla Farrugia jidħlu l-ewwel fil-kategorija Under 20.
Impenji internazzjonali tal-atleti Maltin
Roberta Schembri għażlet li ċċedi x-xettru ta’ rebbieħa tal-kampjonat tat-10km u minflok tipparteċipa fin-Nofs Maratona ta’ Barċelona qalb għadd kbir ta’ atleti ta’ livell internazzjonali għoli. Ħija ġriet ħin inkoraġġanti ferm ta’ 1:17.33, fejn spiċċat fl-24 post fost in-nisa, ħin li jpoġġiha 26 sekonda bogħod mir-rekord nazzjonali ta’ Lisa Bezzina.
Għall-atleti tat-tfigħ, esperjenza importanti iżda wkoll success fil-Ġermanja fil-meeting ġewwa Hassloch meta Bradley Mifsud u Mireya Cassar rebħu l-avveniment tad-discus u l-hammer, b’tefa’ ta’ 51.02m u 51.16m rispettivament. Luke Farrugia spiċċa fit-tieni post fil-kategorija tal-irġiel.
Dawn it-tliet atleti issa huma kwalifikati għall-European Throwing Cup skeda f’Leiria, fil-Portugall, ix-xahar li ġej.
//= $special ?>