Il-piżijiet huma kbar; in-nuqqas ta’ mediċina tal-ADHD qed tħalli konsegwenzi anki fit-tul.
Hekk stqarret ma’ Net News il-President tal-għaqda ADHD Malta, Pamela Muscat, illi spjegatilna kif din is-sitwazzjoni tal-out-of-stock qed toħloq problema kbira.
Ma’ dan l-istazzjon fl-aħħar jiem tkellmu għadd ta’ ġenituri u tobba illi għarfuna li hawn mediċina bħall- Atomoxetine u Methylphenidate li tinsab nieqsa.
“Fil-verità, il-piżijiet huma kbar, kemm għal dawk li huma żgħar u jinsabu l-iskola, hekk kif mingħajr mediċina mhux jirnexxielhom ikampaw, u issa għandhom l-eżamijiet u jkollhom bżonn il-mediċina aktar u aktar biex jistudjaw. Dawk kbar fuq il-post tax-xogħol għandhom konsegwenzi fit-tul. Din il-mediċina ma tistax tinxtara. Jekk hemm nuqqas fil-procurement din qed toħloq problemi kbar, apparti l-fatt li l-mediċina jekk nippruvaw nixtruha aħna hija għolja mhux ħażin.”
F’domanda li saqsejna dwar jekk sarx kuntatt magħhom u dwar kemm se ddum biex din il-mediċina tiġi in-stock, kien konfermat illi l-ġenituri tħallew fil-għama… bl-inċertezza tkompli żżid il-piż fuq il-pazjent u t-tfal li għandhom din il-kundizzjoni.
“Xejn ma jagħmlux kuntatt magħna. Naf li hija sitwazzjoni li tinsab mal-Ewropa kollha, iżda feedback m’għandniex.”
Il-President ta’ ADHD Malta qalet li preżentament ma jafux kemm hawn persuni li għandhom l-ADHD hekk kif riċerka qatt ma saret. Madankollu id-WHO tqis madwar 8% tal-popolazzjoni jkollha din il-kundizzjoni.
Pamela Muscat kellmitna wkoll dwar il-ħtieġa ta’ aktar għarfien, hekk kif għad hawn bosta illi jaħsbu li l-ADHD saret qisha trend – iżda dan mhux il-każ.
“Hawn ħafna misinformazzjoni kbira fuq l-ADHD, u hawn għidut, ħafna jaħsbu li l-ADHD mhi xejn, jew trend. M’hawn rispett f’waqtiet. Jekk inħarsu lejn il-ħabsijiet tagħna, qatt ma ssir ċertu riċerka kemm hawn nies bl-ADHD, meta riċerka turi li jista’ jkun hemm persuni li għandhom l-ADHD, u jekk din mhux se tkun trattata, il-problema se tissokta tiggrava tul il-ħajja tal-individwu.”
Is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ mediċina u mediċina out-of-stock qed taffetwa lil bosta, mhux biss lil Malta iżda anki pajjiżi oħra Ewropew, bil-ġenituri u t-tobba li tkellmu ma’ Net News qalulna li n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-mediċina nieqsa qed tkompli titfa’ aktar piż fuq il-pazjenti u l-qraba tagħhom.
//= $special ?>