Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar Jum il-Ġustizzja Soċjali

Matul din il-ġimgħa, il-Partit Nazzjonalista se jiffoka aktar mis-soltu fuq il-qagħda tal-Ġustizzja Soċjali fis-soċjetà tagħna llum, bit-tama li tittieħed azzjoni konkreta u biex, bħala pajjiż, inkomplu naħdmu għall-ġid komuni, filwaqt li nkomplu nippromwovu l-ġustizzja soċjali.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo, il-Partit Nazzjonalista qal li f’pajjiżna, jum wara l-ieħor, qed ikompli jinħass in-nuqqas tas-serħan il-moħħ minħabba li l-inġustizzji qed ikomplu jgħollu rashom f’kull settur.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern ta’ Robert Abela għandu jifhem il-gravità ta’ dak kollu li għaddej madwarna u ma jagħlaqx għajnejh quddiem dawn l-isfidi kontinwi. Jemmen ukoll li dan jitlob minna lkoll impenn konkret biex ħadd ma jħossu beżgħan li xi ħadd se jaqbad miegħu fil-post tax-xogħol.

Fl-istess waqt, l-ebda NGO ma għandha tħossha mhedda li, għax tingħata xi servizzi tal-Gvern, tagħżel li tibqa’ fil-ġenb, bil-Partit Nazzjonalista jtenni li l-ebda skuża ma għandha twaddab lil ħadd fil-muta biex wieħed iċedi l-obbligi tiegħu jew tagħha li jgħidu dak li jħossu li hu l-verità, filwaqt li lkoll naħdmu għall-ġid komuni.

Għall-Partit Nazzjonalista, hu biss bil-verità, il-ġustizzja, il-libertà u s-solidarjetà li jista’ jissawwar pajjiż ġust li fih kulħadd ikollu kwalità ta’ ħajja aħjar. U dan kollu jixprunana u jimbuttana biex inħarsu lil hinn minn dak li jidher u nitkellmu dwaru, anke jekk l-inġustizzja ġejja mill-ambjent li ngħixu fih.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Istat għandu jagħmel dak kollu possibbli biex iħares id-drittijiet ta’ kulħadd, fosthom ta’ dawk li ma jaqblux miegħu b’mod pubbliku, billi jisma’ b’attenzjoni il-kritika kostruttiva ta’ kulħadd.

Jemmen ukoll li soċjetà ġusta tinsab fejn is-Saltna tad-Dritt tkun garantita u fejn id-drittijiet u d-dmirijiet ikunu rispettati mhux biss mill-Istat iżda minn kull individwu, kif ukoll fejn kulħadd ikun indaqs quddiem il-Liġi.

Il-karba ta’ dawk li għandhom għal qalbhom il-ġustizzja soċjali titlob minna impenn, mhux biss biex intaffu t-tbatija tal-bniedem bil-karità, iżda wkoll billi naħdmu fuq livell soċjali, politiku u ekonomiku ħalli mmexxu ‘l quddiem il-ġid komuni.

Fid-dawl ta‘ dan kollu, matul din il-ġimgħa, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jkun ta’ vuċi b’diversi messaġġi soċjali, b’artikli u bi programmi televiżivi u tar-radju, flimkien ma’ żjarat u laqgħat dwar it-tema tal-ġustizzja soċjali, fosthom b’Konferenza fil-Kamra tar-Rappreżentanti l-Ħamis li ġej fid-9.30am.

Il-Partit Nazzjonalista jkompli jtenni l-ħidma tiegħu b’risq soċjetà ħielsa b’azzjoni konkreta, li ġġib il-bidla. U għax il-Partit Nazzjonalista jħoss li fostna jeżistu sitwazzjonijiet ta’ disprament, matul din il-ġimgħa ta’ kampanja, qed jistieden lil kulħadd biex ikun aġent ta’ tama li jħabbrek għall-ġustizzja soċjali.