Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti rrikuża ruħu mill-każ ta’ appell ta’ Yorgen Fenech minħabba ċ-ċaħda tat-talba ta’ Fenech għar-rekuża tal-imħallef li se tippresiedi l-ġuri tiegħu, u dan minħabba r-rwol tiegħu fl-għażla tal-Imħallef li se tkun qed tisma’ l-proċess u dan b’sens ta’ prudenza.
Fenech, li jinsab akkużat għall-kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017, kien ippreżenta l-każ tiegħu f’Settembru 2021, fejn sostna li l-ħatra tal-Imħallef Edwina Grima biex tippresjedi l-ġuri kienet ksur tad-dritt fundamentali tiegħu għal smigħ xieraq.
L-Imħallef Grima qabel kienet ċaħdet it-talba tal-avukati ta’ Fenech li hija tastjeni milli tippresjedi l-ġuri eventwali tiegħu. L-avukati ta’ Fenech argumentaw li l-fatt li l-President tar-Repubblika, il-Prim Imħallef u l-Avukat Ġenerali kienu għamlu l-istħarriġ legali qabel irrakkomandaw kandidat biex jippresiedi l-proċess ta’ Fenech, kisru d-drittijiet tiegħu għal proċess ġust.
“Dan ifisser li… l-għażla tal-Imħallef Edwina Grima hija waħda konġunta bejn l-Avukat Ġenerali u l-parte civile u dan imur kontra kull sens ta’ smigħ ġust u ġustizzja naturali,” kienu argumentaw l-avukati. L-għada li l-Imħallef Grima kienet ċaħdet it-talba tiegħu, Fenech kien ippreżenta kawża li fiha talab lill-Qrati Kostituzzjonali jordnaw lill-Imħallef Grima tastjeni milli tippresjedi l-ġuri tiegħu.
F’deċiżjoni li ngħatat it-Tnejn filgħodu, l-Prim Imħallef Chetcuti osserva li l-avukati sussegwentement spjegaw li l-oġġezzjoni ta’ Fenech tittratta l-aspett oġġettiv tal-indipendenza u l-imparzjalità tal-Imħallef. “Huwa evidenti li l-Prim Imħallef kien involut fl-għażla tal-Imħallef Grima biex tippresjedi l-Qorti Kriminali fil-kawża Repubblika ta’ Malta vs Yorgen Fenech.
“Proċess, li kif rajna, qed jiġi attakkat f’kawża Kostituzzjonali mressqa minn Fenech stess u li issa jinsab quddiem din il-Qorti. F’dawn iċ-ċirkostanzi, din il-Qorti hija tal-fehma li jkun prudenti li l-Prim Imħallef ma jkomplix jippresiedi l-appell mid-deċiżjoni tal-ewwel Qorti mogħtija fit-30 ta’ Novembru 2022. Ovvjament din id-deċiżjoni m’għandhiex tittieħed biex timplika fi b’xi mod li jolqot il-merti tal-appell innifsu,” spjega l-Prim Imħallef.
//= $special ?>

