Lokali Qorti

Immultati aktar minn €1.6 miljun fuq evażjoni ta’ taxxa, dazju, sisa u VAT fuq tabakk, xorb u merkanzija

F’erba sentenzi mhux relatati, erba’ rġiel nstabu ħatja b’evażjoni ta’ taxxa, dazju u sisa u xi wħud ukoll fuq taxxa tal-VAT bil-Maġistrat jimmultahom aktar minn €1.6 miljun bejniethom, eżattament is-somma kumplessiva ta’ €1,629, 278,13ċ. Il-ħatja li ġew iġġudikati mill-Maġistrat Ian Farrugia ingħataw ukoll sentenza sospiża bi tnejn minnhom jiġu ordnati li jħallsu terz tal-multa b’mod immedjat. Il-ħatja kollha appellaw mis-sentenza mogħtija.

Frankie Apap ta’ 40 sena mis-Siġġiewi, li huwa Direttur ta’ kumpanija li huwa jiġġestixxi nstab ħati li fit-2 ta Diċembru, 2020 wara spezzjoni li saret mill-Ufficjali tad-Dwana ġewwa mahzen awtorizzat ta’ Apap Tobacco Limited li jinsab fiż-żona Industrijali ta’ Bulebel, iż-Żejtun instab li kellu fil-pussess tiegħu aktar minn tliet tunellati tabakk, b’kollox 3,140 kilo tabakk manifatturat liema produzzjoni tiegħu ma kienitx iddikjarata u lill-Kummissarju tat-Taxxa, u li l-importazzjoni tiegħu hija waħda limitata.

Irriżulta li dan it-tabakk, li l-importazzjoni u l-pussess tiegħu hu ristrett għandu valur totali ta’ €15,900, bid-dazju tas-sisa dovut ta’ €383,080 u VAT li tammonta ghal €71,816.40. Il-Qorti qalet li l-imputat stess qal li dawn il-fatti jirriżultaw ipprovati u li iżda ma kienx iggwidat. Fil-fatt jirriżulta mix-xhieda ta’ Apap stess li huwa kien jaf li kellu fil-pussess u taħt il-kontroll tiegħu, tabakk bhala raw material, li ma kienx iddikjarat; imbagħad tabakk manifatturat u maħdum, u li ma kienx ħallas it-taxxi dovuti u għalhekk l-akkużi miġjuba mill-Prosekuzzjoni jirriżultaw ippruvati skond il-ligi.

Il-Qorti qalet li huwa inkonċepibbli kif l-imputat ippretenda li jista jimporta u jdaħħal f’Malta, aktar minn tliet tunnellati ta` tabakk, u din l-importazzjoni ma tiġix dikjarata. Apap ġie ordnat li jħallas terz tal-multa minnufih. Huwa ġie kundannat xahar ħabs sospiżi għal sentejn. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Doriette Cuschieri.

George Vella ta’ 62 sena residenti Buġibba ġie mmultat €450,554.73 u kundannat tmien xhur priġunerija sospiżi għal tliet snin wara li nstab ħati li  fid-29 ta’ April 2007, ġewwa r-Rabat Malta, wara tfittxija li saret minn Uffċjali tad-Dwana fil-vann Peugeot Partner f`garaxx, f’Buġibba stess sabiex jikseb xi vantaġġ għalih  jew għal ħaddiehor, kellu fil-pussess tiegħu u ħeba għadd ta’ sigaretti, tabakk u xorb alkoholiku bla dazju, bil-ħsieb li jiġi ffrodat il-Gvern minn Dazji u t-Taxxa. Ix-xorb kien jikkonsisti f’whisky, vodka u rum.

Huwa kellu oġġetti l-valur tagħhom kien ta’  € 41,296.34 li fuqu kellu jitħallas dazju ta’ importazzjoni ta’ €28,510.74, dazju tas-sisa ta’ €121,674.17 u taxxa fuq il-Valur Mizjud: €34,466.62. L-Ispettur Maurice Curmi mexxa l-Prosekuzzjoni f’dan il-każ.

Il-Maġistrat Farrugia sab ukoll lil Roy Joseph Cremona ta’ 35 sena residenti l-Fgura ħati li f’Jannar 2008 kellu fil-pussess tiegħu erba’ kaxxi b’50 kartuna kull kaxxa, b’200 sigarett kull kartuna mingħajr dazju b’valur ta’ €913.20, dazju ta’ importazzjoni ta’ €526.00 dazju tas-Sisa ta’ €4,380.80 u VAT ta’ €1,047.60 fejn liema Dazji u Taxxa ma kienux tħallsu.

Dwar dan il-każ, il-Qorti tal-Maġistrati kienet ordnata mill-Imħallef Aaron Bugeja sabiex terġa’ tisma’ l-każ. Il-Qorti tal-Maġistrati reġgħet sabet lil Cremona ħati u kkundannatu għal sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn u multa ta’ €14,720.40 li terz minnha jiġifieri €4,906.80 huma pagabbli minnufih bħala dejn ċivili. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Ian Abdilla.

Il-Maġistrat Farrugia sab ukoll lil Victor Fenech ta’ 42 sena minn Tas-Sliema ħati li f’Ġunju 2010 kien importa merkanzija ta’ General Cargo li dwarha kien hemm obbligu li jitħallas id-Dazju ta’ Importazzjoni u kif ukoll VAT li kienu jammontaw għal €4,921 u €11,784 rispettivament. Il-Maġistrat Farrugia kkundannah għal xahar ħabs sospiż għal sentejn u multa ta’ €14,763.00, li terz minnha titħallas minnufih bħala dejn ċivili skond il-Ligi. L-Ispettur Doriette Cuschieri mexxiet il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ.