Din hi wirja ta’ madwar 30 pittura, frott il-kreattività ta’ Charles is-City Gatt’ – magħruf bħala l-ikona tal-Jazz f’Malta, percussionist ċelebri – iżda fuq kollox, artist straordinarju.
L-esbizzjoni ġġib l-isem ‘Is-City Late Painitngs’ u qed ssir fil-Belt Valletta.
Is-City kien ħalla din id-dinja fid-19 ta’ Frar tas-sena li għaddiet fl-età ta’ 77 sena.
Kif saħaq il-Kap Eżekuttiv tal-RIDT Wilfred Kenely, din il-wirja m’hijiex vjaġġ nostalġiku b’tifkira ta’ Charles ‘City’ Gatt, iżda kontwazzjoni ta’ proġett li l-artist innifsu kellu ix-xewqa li jwettaq.
Fil-fatt, minbarra numru żgħir ta’ xogħolijiet minn kollezzjonijiet privati, f’din l-esebizzjoni wieħed jista’ jara pitturi li qatt ma kienu esposti fil-pubbliku qabel.
Fost il-pitturi magħmulin minn id l-artist Charles Gatt, wieħed jista’ jara wirja ta’ kuluri miżbugħin fuq it-tila b’mod astratt, b’uħud imnebħa mis-saqaf tal-Knisja tal-Mosta.
Imwieled fiz-Zebbiegħ fl-1944, Charles Gatt beda l-istudji tiegħu sabiex jilħaq għalliem tal-arti fl-1961, fil-kulleġġ ta’ St Michael’s, fejn aktar tard serva bħala għalliem u Surmast tal-istess skola.
Billi kellu għal qalbu l-mużika, aktar tard, Charles Gatt studja l-Mużika fil-Berklee College of Music f’Boston, fejn iltaqa’ ma’ mużiċisti kbar fix-xena tal-Jazz bħal Joe Hunt u Andy Jaffy,… filwaqt li daqq ukoll ma’ Melrose Symphony Orchestra u Joe Makholm Big Band.
Is-City kellu x-xorti li jdoqq f’diversi festivals ewlenin tal-Jazz madwar l-Ewropa u l-Asja, u kien rikkonoxxut u ħadem ma’ l-aqwa artisti fid-dinja tal-Jazz, fosthom Keith Garrett, Herbie Hancock, Al Di Meola u Dave Brubeck.
Charles Gatt jibqa’ magħruf bħala missier il-Jazz f’Malta għaliex apparti li kien mużiċista bravissimu – b’kapaċita liema bħala fejn jidħol il-ġeneru tal-‘Jazz’, kien il-moħħ wara t-twaqqif tal-Malta Jazz Festival fl-1990 u serva bħala direttur artistiku ta’ dan il-festival għal madwar 15-il sena.
Il-wirja li qed tittella’ fi Triq l-Ifran fil-Belt Valletta, infetħet is-16 ta’ Frar se tibqa’ miftuħa sal-Ħadd 26 ta’ Frar, mill-10am sas-7pm.
//= $special ?>