Internazzjonali

Terremot ieħor fit-Turkija; crew ta’ Net News u membri ta’ SOS Malta qawwijin u sħaħ

In-nofsinar tat-Turkija – partikularment il-provinċja ta’ Hatay — għadu kemm theżżeż mill-ġdid minn  terremot ieħor li mmarka 6.4 fuq l-Iskala Richter.

Fiz-zona kiem hemm ukoll crew ta’ Net News u membri ta’ SOS Malta li jinsabu qawwijin u sħaħ.

Wara dak li sehh, ikkummenta wkoll il-Kap tal-PN Bernard Grech illi qal: “Għadni kif tkellimt mal-crew tagħna ta’ NET News li jinsabu t-Turkija. Ninsab grat li jinsabu qawwijin u sħaħ, minkejja li l-post fejn kienu sa dalgħodu nqered bit-terremot ta’ llum.”

Bernard Grech sellem ukoll lill-volontieri ta’ SOS Malta.

It-terremot, għalkemm anqas b’saħħtu miż-żewġ terremoti tas-6 ta’ Frar li mmarkaw talanqas 7.5 fuq l-Iskala, ħoloq xorta waħda kaos u sens kbir ta’ biża’ fost ir-residenti f’Hatay fejn qed tkompli l-aħħar fażi tat-tfittxija għall-mejtin mit-terremoti storiċi ta’ jiem ilu…Terremoti li ħallew ‘il fuq minn 44,000 mejtin fit-Turkija u s-Sirja.

L-aħħar terremot, intant, ikkaġuna l-ħsarat lill-bini f’Antakya u l-awtoritajiet fiz-zona qalu li t-theżżiż tal-art sussegwenti kien ħafna aktar qawwi mill-‘aftershocks’ li baqgħu jinħassu fit-Turkija matul il-jiem wara t-terremoti tas-6 ta’ Frar

Il-belt ta’ Antakya hi l-kapitali tal-provinċja ta’ Hatay li kienet fost l-aktar zoni affettwati mit-terremoti storiċi – bl-aħħar theżżiż tal-art jinħass ukoll fl-inħawi tas-Sirja, l-Eġittu u l-Libanu.

Għalissa mhux magħruf jekk it-tielet terremot f’xahar ( fit-Turkija) irriżultax f’aktar vittmi u qerda fir-reġjun li ġarrab l-agħar tat-theżżiż devastanti li ħalla l-widien tat-tifrik minbarra li qanqal reazzjoni ta’ fejda minn madwar id-dinja.

Dan meta l-iskwadri għall-emerġenzi qed iduru fl-inħawi ta’ Hatay biex jaraw jekk il-lista tal-mejtin tistax tikber b’kaġun tal-aħħar terremot.