Futbol Sport

L-ebda rebbieħ mit-tlieta ta’ fuq fl-20 ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Draw ta’ mingħajr gowls bejn il-leaders Ħamrun Spartans u Birkirkara biex kollox baqa l-istess fil-quċċata tal-klassifika. Kienet partita prattikament repetizzjoni ta’ dik tal-ewwel round meta ż-żewġ timijiet kienu spiċċaw ukoll fi draw ta’ mingħajr gowls.  Donnu li bejn B’Kara u Ħamrun ma’ jistgħax ikun hemm rebbieħ din is-sena, minkejja li nhar is-Sibt li ġej dawn iż-żewġ timijiet ser jerġgħu jiffaċċjaw lil xulxin fil-kwarti finali tal-FA Trophy. Bħala logħba ċ-ċansijiet kienu rari fuq il-lasti rispettivi fejn Nisevic għażel li  jibda bl-aqwa skorer tat-tim Elvis Mashike mgħejjun minn Joseph Mbong u Jonny. Mill-banda l-oħra Giovanni Tedesco kien aktar kawt minkejja li xorta għażel li jibda b’żewġ attakkanti, Paul Mbong u Alex de Paixao Alves. L-Istripes b’hekk naqsu li japprofittaw min  nofs żelqa ta’ Gżira filwaqt li Ħamrun komplew bil-mod il-mod jersqu viċin lejn il-matematika li taċċertahom mir-rebħ tad-disa’ titlu fl-istorja.

Elvis Mashike ta’ Ħamrun issikkat mill-eks Matteo Fedele ta’ Birkirkara (Ritratt: Joseph Galea)

Gżira United naqsu li jiksbu l-ħames rebħa konsekuttiva dan wara li huma sfaw miżmuma fi draw minn Floriana. Il-logħba kellha bidu qawwi fejn Floriana fetħu l-iskor wara biss ħames minuti hekk kif huma approfittaw minn żball rari mid-difensur tal-Maroons Bohrer b’Reid jitfa fix-xibka. Gżira kisbu draw għaxar minuti wara u bħas-soltu kien l-aqwa attakkant tal-kampjonat Jefferson de Assis li sab ix-xibka. Iżda minkejja d-dominju territorjali minn Gżira United il-gowl tar-rebħa baqa qatt ma’ wasal. Floriana, mill-banda l-oħra komplew isibuha diffiċli biex isarrfu l-opportunitajiet f’gowls fejn żgur li l-amministrazzjoni flimkien mal-istaff tekniku diġa qed jaħsbu kif ser isolvu din il-problema għall-istaġun illi ġej.Finalment riżultat li ma’ ssodisfa lil ħadd ħlief lil Ħamrun Spartans.

Punt prezzjuż għal Marsaxlokk kontra Gudja United fit-tentattiv tagħhom li jitilgħu aktar il-fuq fil-klassifika u l-bogħod miż-żona relegation. Dan kien ir-raba’ riżultat pożittiv għat-tim  immexxi minn Pablo Doffo. Mill-banda l-oħra Gudja komplew iżommu post komdu f’nofs il-klassifika, bla biża ta’ relegation u mingħajr ebda ċans li jisfidaw għal post fl-Ewropa. Għalihom bejn il-lasta lagħab James Pisani minflok il-captain Glenn Zammit filwaqt li kellhom lil Juan Bolanos sospiż. Nieqes għal Marsaxlokk Oscar Carniello. Il-gowls tal-partita waslu t-tnejn li huma fl-ewwel taqsima fejn kienu Gudja li fetħu l-iskor man-nofs siegħa logħob bix-Xlukkajri jirrispondu qabel tmiem it-taqsima. Fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta Marsaxlokk kienu xi ftit aħjar mill-avversarji iżda sat-tmiem ebda tim ma’ rnexxielu jsib dak il-gowl li kien ifisser punti massimi.

Claudio Bonanni ta’ Marsaxlokk jiskorja l-gowl tad-draw kontra Gudja (Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Ikompli l-mument maġiku ta’ Balzan fejn fi tmiem il-ġimgħa huma għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 3-1. U għal darb’oħra l-Kolombjan Angel Torres kien strumentali f’din ir-rebħa hekk kif huwa skorja tnejn mit-tlett gowls tagħhom. Rebħa li tħalli lit-tim immexxi minn Oliver Spiteri jissielet b’saħħa għal post fl-Ewropa wara li issa ilhoma seba’ logħbiet mingħajr telfa. B’din ir-rebħa Balzan issa jinsabu fir-raba’ post b’punti daqs Mosta u Hibernians. B’hekk it-tim irreaġixxa tajjeb wara l-eliminazzjoni mill-FA Trophy kontra Birkirkara matul il-ġimgħa. Mill-banda l-oħra Sirens jibqgħu jokkupaw post ftit l-isfel minn nofs il-klassifika, bla nwkiet ta’ relegation u ebda pretenzjonijiet oħra.

Matheus De Souza ta’ Balzan jipprova tentattiv lejn il-lasti ta’ Sirens (Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Ikomplu jikbru ċ-ċansijiet ta’ Żebbuġ Rangers tal-anqas li jevitaw ir-relegazzjoni awtomatika dan wara li huma għelbu lit-tim tal-qiegħ Pieta Hotspurs bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ gowls tar-Rangers jaslu fit-tieni taqsima. Pieta kellhom il-mumenti tagħhom ukoll fejn qabel għalqet it-taqsima kellhom ċans li jkunu huma li jiftħu l-iskor fejn l-ewwel kien hemm clearance minn fuq il-linja u fl-istess azzjoni l-Hotspurs appellaw għall-penalty. Fit-tieni perjodu Żebbuġ ħarġu aktar b’saħħithom fejn wara biss sitt minuti huma fetħu l-iskor. U għal darb’oħra spikka għar-Rangers Charles Ngoy li wera l-potenzjal tiegħu u kien ta’ uġiegħ ta’ ras kontinwu għall-avversarji tiegħu. Biex f’temp ta’ tlett minuti ġiet issiġillata r-rebħa hekk kif fit-80 minuta Żebbuġ skurjaw it-tieni gowl u ftit wara Pieta spiċċaw jilgħabu b’għaxar players.

Takuma Yamaguchi ta’ Pietà jipprova jegħleb lil goalkeeper ta’ Żebbuġ Jamie Azzopardi (Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Hibernians żammew ir-rekord ta’ mija fil-mija taħt it-tmexxija ta’ Silvio Vella dan wara li huma għelbu lil Santa Lucia bl-iskor ta’ 3-2. Dan wara li l-Pawlisti dawru telfa f’rebħa biex kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva. Huma kienu ġejjin minn rebħa kbira ta’ 8-0 kontra Kercem Ajax fl-Izibet FA Trophy. Iżda l-istorja kontra s-Saints kienet differenti ħafna. Għal Santa Lucia dan kien riżultat diżappuntanti hekk kif huma emmnu li setgħu jieħdu xi ħaġa minn din il-partita iżda kienu Hibernians li kisbu l-punti kollha. Riżultat li bir-rebħa ta’ Żebbuġ Rangers fuq Pieta jkompli jitfa lil Santa Lucia f’aktar inkwiet serju ta’ relegation. Huma kellhom nieqes lill-ex player ta’ Hibernians Rodolfo Soares filwaqt li l-avversarji u ġirien tagħhom minn Raħal Ġdid bdew b’Joseph Zerafa flok Izquier filwaqt li Kurt Shaw kien nieqes għal darb’oħra minħabba injury.

Thaylor Aldama ta’ Hibernians issikkat minn Yevhenii Terzi u Francisco Rodrigues ta’ Santa Lucia (Ritratt: Catriel Farrugia)

Valletta u Mosta ħadu punt kull wieħed minn logħba li kienet ikkaratterizzata minn numru ta’ deċiżjonijiet kontroversjali. Fil-fatt il-logħba rriżultat f’waħda bilanċjata fejn din kien fiha minn kollox. Iż-żewġ naħat laqtu l-lasta, tkeċċija fuq kull naħa kif ukoll gowl li deher li qabeż il-linja iżda ma’ ġiex konvalidat. Valletta kienu ġejjin mill-eliminazzjoni fit-Trophy għas-spejjeż ta’ Ħamrun Spartans, logħba missielta u kumbattuta. Il-Beltin urew karattru iżda xorta waħda minkejja li kellhom ħafna aktar mill-pussess xorta waħda naqsu li jsibu x-xibka. Għal Mosta dan kien pass lura fit-tentattiv tagħhom li jkomplu jżidu l-pressjoni għal post fl-Ewropa. Valletta mill-banda l-oħra ftit li xejn fadlilhom objettivi dan l-istaġun fejn post f’nofs il-klassifika huwa l-aktar li jistgħu jaslu.

Il-goalkeeper ta’ Mosta Ini Akpan itajjar il-periklu waqt attakk Belti (Ritratt: Josef Fitzpatrick)

INNUTAJNA

LI   qabel il-partita bejn Valletta u Mosta il-captain tal-Beltin Rowen Muscat ġie preżentat bi flokk bin-numru 100 dan fl-okkażjoni tal-mitt partita li huwa lagħab mat-tim mill-kapitali. Awguri għal aktar Rowen.

LI   mossa xejn diċenti minn fuq il-bank tas-sostituti ta’ Birkirkara minn wieħed mill-players tagħhom waqt il-partita kontra Ħamrun Spartans hekk kif fl-aħħar mumenti saħnu l-irjus fejn tkeċċa Steve Borg. Il-players iridu jkunu dejjem ta’ eżempju tajjeb b’mod partikolari għat-tfal li jkunu qed isegwu lill-idoli tagħhom.

LI tmiem il-ġimgħa kien ikkaratterizzata minn numru ta’ deċiżjonijiet kontroversjali mir-referees. L-aktar li spikka kien il-gowl li ma’ ġiex konvalidat ta’ Valletta meta kien evidenti li d-daqqa ta’ ras ta’ Federico Falcone qabżet sew il-linja tal-gowl. Hemm bżonn li nibdew naħsbu biex ninvestu fit-teknoloġija għall-ġid tal-futbol Malti.