Raġel li seraq oġġetti minn Supermarket f’San Ġiljan qal lill-Pulizija li kellu l-intenzjoni li jbigħhom għax kellu bżonn il-flus biex jixtri l-ikel. Darko Tomeski ta’ 46 sena mill-Maċedonja, tressaq il-Qorti taħt arrest quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, akkużat li seraq ‘electric shaver’ u ħames pari kalzetti mill-ħanut.
L-Ispettur Keith Xerri, li qed imexxi l-Prosekuzzjoni, qal lill-Qorti li l-istaff tas-supermarket kien innota xi oġġetti neqsin u kien issuspetta lil Tomeski minn filmati tas-CCTV. Wara li l-għada l-imputat intlemaħ mill-ġdid jaġixxi b’mod suspettuż fis-Supermarket, il-Pulizija ssejħet fuq il-post.
Tomeski, li kien qed joqgħod f’hostel f’San Ġiljan, instab li kellu l-oġġetti misruqa fil-pussess tiegħu u rritornahom. L-Ispettur żied jgħid li l-akkużat kien qal lill-Pulizija li kien biegħ ix-‘shaver’ peress li kellu bżonn flus biex jixtri l-ikel u li r-reat kien ta’ darba.
L-Avukat Josette Sultana, li nħatret avukat tal-għajnuna legali, sostniet li l-akkużat kien ikkopera mal-Pulizija mill-mument li kien arrestat. Huwa kien irritorna wkoll il-kalzetti misruqa u kien esprima r-rieda tiegħu li jsib impjieg sabiex iħallas lura lis-Supermarket għall-oġġetti misruqa.
Il-Qorti, filwaqt li nnutat li l-akkużat kien wieġeb ħati fl-ewwel opportunità, u li l-valur tal-oġġett misruq kien ta’ €60, ikkundannatu 3 xhur ħabs. Is-sentenza ġiet sospiża għal sena fid-dawl tal-ammissjoni bikrija u l-fatt li din kienet l-ewwel kundanna ta’ Tomeski.
//= $special ?>

