Ħafna pazjenti qed jiddeskrivu s-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei bħala “diżastru sħiħ”, b’numru kbir ta’ persuni jinsabu urtati b’dak li qegħdin isibu ma’ wiċċhom meta jkollhom jidħlu l-Isptar għall-kura.
Dan hekk kif, il-kuruturi tal-Isptar qegħdin jimtlew bis-sodod, għaliex Mater Dei jinsab mimli bil-pazjenti… b’mod partikolari l-kurituri ta’ faccata tad-Dipartiment tal-X rays; bl-infermiera u professjonisti tas-saħħa jinsabu imkissrin bix-xogħol enormi li waqa’ fuqhom, filwaqt li qed jipprovaw jagħmlu minn kollox biex ilaħħqu mal-influss qawwi ta’ pazjenti li qed jidħlu ta’ kuljum.
Sorsi li tkellmu ma’ Net News qalulna li wħud mis-swali tal-ITU, b’mod partikolari ITU3 u ITU6 issa qegħdin jintużaw bħala swali ta’ kura u minħabba d-domanda ta’ pażjenti li dejjem qed tiżdied, dawn spiċċaw mimlija wkoll.
Sabiex tittafa ftit il-problema ta’ sodod li hemm fl-Isptar Mater Dei, uħud mill-pażjenti qegħdin jintbagħtu l-Isptar Sir Paul Boffa, il-Floriana; bis-sitwazzjoni f’dan l-Isptar mhi xejn aħjar minn Mater Dei. Dan għaliex dan l-Isptar jinsab mimli wkoll.
Apparti dan kollu, in-nies li tkellmu ma’ dan l-istazzjon qalulna li l-20 sodda li ttieħdu minn San Vincenz De Paul għal Mater Dei ittieħdu mingħajr saqqu … u l-problema ta’ saqqijiet u ta’mħadded qegħdha tkompli tikber ma’ kull ġurnata li tgħaddi.
Is-sitwazzjoni dizastruza ta’ dan l-isptar qed titfa pressjoni kbira fuq it-tobba u l-infermieri li ta’ kuljum qegħdin isibuha diffiċli ferm sabiex ilaħħqu mal-ħtiġijiet tal-pazjenti, u l-kwalita’ tal-kura qed tiġi kompromessa.
Fl-aħħar jiem kompla jikber ukoll it-tħassib dwar il-kundizzjonijiet li jinsabu fihom it-toilets u x-showers fis-sala MIU6, fejn il-facilitajiet sanitarji huma tal-mistħija u verament inqassu mid-dinjità tal-persuni.
Dan għaliex it-toilets u x-showers li jinsabu f’dan il-ward partikolari, huma f’forma ta’ cubicles li ma jagħtu ebda serħan il-moħħ ta’ iġene lil dawn il-pazjenti.
Mill-filmati jidher ukoll li l-pazjenti li jinsabu f’din is-sala spiċċaw jiġu ttrattati b’mod mill-aktar inuman għaliex m’għandhom l-ebda sens ta’ privitezza—bl-anzjani, kemm nisa kif ukoll irġiel li jinsabu f’din il-ward .. spiċċaw ibidlu l-ħwejjeġ quddiem xulxin.
Kienu bosta dawk li tkellmu ma’ Net News u saħqu li huwa inaċċettabbli li wieħed jingħata kura f’dawn il-kundizzjonijiet – kundizzjonijiet li żgur ma jixirqux lill-ebda pazjent li jkunu rikoverat fl-Isptar Mater Dei.
//= $special ?>