Lokali

“Taxxa” li qed tkun piż inġust fuq ix-xufiera

Tkompli tikber ir-rabja tas-sewwieqa tal-cabs u l-minibuses wara li f’dawn l-aħħar jiem bdew jeħlu ċitazzjoni ta’ 500 ewro għax jiefqu f’kaxxa bajda sakemm imorru jixtru xi ħaġa x’jieklu jew sempliċiment imorru sat-toilet.

Wara weekend sħiħ jilmentaw dwar l-inġustizzja li qed issir fil-konfront tagħhom… dawn il-ħaddiema għadhom sal-lum ma kellhom ebda risposta dwar x’se jiġri… hekk kif skont huma, din hija taxxa indiretta li daħħal il-Gvern Laburista.

Jirriżulta li din il-liġi ilha miktuba b’dan il-mod, iżda qatt ma ġiet implimentata. U issa, f’daqqa waħda, ingħatat direzzjoni biex jibdew ifajjru dawn il-multi lil min għandu Y Plate.

Numru ta’ sewwieqa li tkellmu ma’ Net News esprimew ir-rabja tagħhom għall-fatt li ma jagħmilx sens li dawn ix-xufiera qed jeħlu din iċ-ċitazzjoni meta huma diġa jħallsu miżata iktar għolja għal-liċenzja tal-vettura tagħhom.

Filfatt kienu bosta l-persuni li matul dawn il-jumejn bagħtulna kopja tal-multi li qalgħu… fejn saħqu li din il-liġi tmur kontra d-drittijiet tal-bniedem. Huma qed jappellaw lill-Ministru responsabbli mit-trasport Aaron Farrugia biex jieħu azzjoni immedjatament. B’numru ta’ ħaddiema ma jeskludux li jagħmlu azzjonijiet industrijali jekk din il-kwistjoni tkompli tippersisti u ma tkunx solvuta. 

Sewwieqa ta’ cabs ukoll ikkonfermaw li weħħlu din iċ-ċitazzjoni li sejħu bħala “taxxa inġusta”, b’wieħed mis-sewwieqa jgħidilna illi “basta l-Gvern jiftaħar li jagħmel Budget bla taxxi, imbgħad qed iċapsilhom dawn il-multi enormi!”

Din mhux l-ewwel taxxa indiretta li daħħal il-Gvern Laburista hekk kif mill-Budget ‘l hawn tħabbar li se tiddaħħal taxxa fuq l-iskart, żieda fil-prezz tal-VRT tal-vetturi, sigaretti żdiedu fil-prezz, u probabbilemt anke VAT fuq is-servizzi estetiċi mediċi.