Internazzjonali

Turkija-Sirja: It-tfittxija għall-vittmi tat-terremot viċin il-konklużjoni

L-awtoritajiet fit-Turkija temmew it-tfittxija għall-vittmi tat-terremot kbir tas-6 ta’ Frar ħlief fil-każ ta’ żewġ provinċji – bl-iskwadri għall-emerġenzi qed ikomplu bil-ħidma tagħhom fl-inħawi ta’ Kahramanmaras u Hatay.

It-terremot, segwit mit-theżżiż sekondarju, ħalla l-għexieren tal-eluf tal-mejtin u midruba u waqt li l-iskwadri għadhom qed itellgħu l-katavri minn taħt ir-radam, kważi spiċċat kull tama li jinstabu aktar ħajjin.

L-epiċentru tat-terremot storiku li mmarka  7.8 fuq l-Iskala Richter kien indikat f’Kahramanmars u issa hemm mal-44,000 mejtin ikkonfermati fix-xlokk tat-Turkija u n-naħa ta’ fuq tas-Sirja li wkoll ġarrbet l-agħar tat-theżżiż tal-art.

Fl-istess ħin, l-awtoritajiet fit-Turkija u s-Sirja ma jafux kemm fadal neqsin wara li  mijiet tan-nies fiż-żewġ pajjiżi ma dehrux aktar fis-sigħat u l-jiem wara t-terremot.

U fl-aħħar sigħat ukoll it-tfittxija baqgħet għaddejja qalb iz-zoni ta’ Kahramanmaras u Hatay fejn kienu ċedew l-għexieren tal-bini.

Dan meta ċ-ċifra finali tal-mejtin għandha titħabbar fil-jiem li jmiss u wara l-aħħar fażi tat-tfittxija għall-katavri taħt it-tifrik…

Għalissa, magħruf li nqerdu mat-350,000 appartament fit-Turkija, bl-istatistika tal-imwiet u t-tifrik mit-terremot għadhom qegħdin jidħlu min-naħa tas-Sirja.