F’Accra, fil-Ghana il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-pajjiż ħabbar il-wasla tal-fdalijiet tal-eks plejer internazzjonali tal-Ghana Christian Atsu li miet f’terremot devastanti fit-Turkija .
Atsu, ta’ 31 sena, miet fit-terremot ta’ qawwa 7.8 li ħasad lit-Turkija u s-Sirja fis-6 ta’ Frar, fejn sa issa aktar minn 44,000 persuna huwa stmat li mietu fiż-żewġ pajjiżi.
Kien hemm rapporti inizjali li l-eks plejer ta’ Chelsea u Newcastle kien ġie salvat jum wara t-terremot, iżda dawn irriżultaw li kienu foloz u l-katavru tiegħu nstab is-Sibt li għadda.
Il-fdalijiet kienu akkumpanjati mill-familja tiegħu u l-ambaxxatur tal-Ghana għat-Turkija fuq titjira tal-linji tal-ajru Torka lejn Accra .
Tħabbar li ħuħ il-kbir u oħt tewmija ta’ Atsu kienu preżenti fil-post tas-salvataġġ meta l-katavru tiegħu nstavb.
L-armla tiegħu Marie-Claire Rupio u t-tliet uliedhom kienu fl-istands f’St James’ Park is-Sibt biex jingħaqdu f’ġieħ lill-plejer qabel il-partita tal-Premier League ta’ Newcastle kontra Liverpool.
Atsu skorja l-aħħar gowl mit-33 fil-karriera tiegħu għal Hatayspor fis-Super Lig tat-Turkija fil-5 ta’ Frar, sigħat qabel ma seħħ it-terremot.
Il-President tal-Ghana Nana Akufo-Addo qal li “il-futbol tilef wieħed mill-aqwa ambaxxaturi tiegħu, wieħed li se jkun diffiċli biex ikun sostitwit”.