Lokali

“Din il-multa tmur kontra d-dinjità tagħna”

“Weħilt €500 multa għax ipparkjat f’kaxxa bajda sakemm mort sal-latrina. Din il-multa tmur kontra d-drittijiet tal-bniedem.”

Din hija r-rabja u l-frustrazzjoni ta’ diversi sewwieqa tal-cabs u xufiera tal-minibuses wara li ftit tal-jiem ilu bdew jeħlu ċitazzjoni għaliex sempliċiment jieqfu f’kaxxa bajda għal ftit minuti.

Bosta sewwieqa sostnew ma’ Net News li din hija taxxa indiretta speċjalment meta dawn diġa’ jħallsu spejjeż kbar sabiex dawn il-karozzi jkunu jistgħu jinstaqu fit-toroq u jagħtu servizz lin-nies.

Kienu bosta li bagħtu kopja tal-multi li qalgħu filwaqt li għamlu appell sabiex tittieħed azzjoni b’mod immedjat.

Barra minn hekk, grupp ta’ sewwieqa tal-cabs u minibuses qed jagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet sabiex jemendaw il-multa ta’ €500 sabiex titħares id-dinjità tax-xufiera filwaqt li ma eskludewx li jagħmlu azzjonijiet industrijali jekk din il-kwistjoni tkompli tippersisti u ma tkunx solvuta.

Intant, f’artiklu fuq is-sit tat-Times of Malta intqal li ġie propost li is-sewwieqa jitħallew jipparkjaw f’kaxxa bajda għal ftit ħin filwaqt li xorta jirrispettaw ir-regola li ma tiġix okkupata kaxxa bajda għal sigħat twal jew saħansitra għal-lejl sħiħ.

Ħaddiem mat-Transport Malta kkomferma mal-istess gazzetta li s’issa din il-liġi se tibqa’ tiġi nfurzata għaliex tgħid li l-karozza li trid tinstaq il-ħin kollu ħlief biex jitla’ jew jinżel passiġġier.

Jirriżulta li din il-liġi ilha miktuba b’dan il-mod mis-sena 2020 iżda qatt ma ġiet inforzata. U għalhekk, diversi xufiera qed isostnu li kif inhi miktuba din il-liġi qed tmur kontra d-drittijiet tax-xogħol u qed toħolqilhom sfidi kbar.