Lokali

HSBC jirreġistra profitt ta’ €57 miljun matul is-sena 2022

Għal sena oħra l-bank tal-HSBC irreġistra profitt hekk kif matul is-sena li għaddiet kien hemm profitt ta’ ftit aktar minn €57 miljun qabel it-taxxa. Dan ifisser li kien hemm żieda ta’ ftit aktar minn €30 miljun.

Dan ħareġ waqt il-konferenza annwali tal-HSBC fil-Belt Valletta fejn ġew ippreżentati ir-riżultati tal-bank matul is-sena 2022.

Waqt din il-konferenza ntqal li l-profittabilità mtejba kienet minħabba rati tal-imgħax li bħalissa qed jogħlew, movimenti favorevoli tas-suq li jolqtu b’mod pożittiv id-dħul mill-assigurazzjoni fost affarijiet oħra.

Il-profitt irrapurtat wara t-taxxa attribwibbli lill-azzjonisti kien ta ftit aktar minn €37 miljun li jirriżulta fi qligħ sehem b’sehem ta’ 10.4 ċenteżmi, meta mqabbel ma’ 4.9 ċenteżmi fl-istess perjodu fl-2021.

Barra minn hekk, għal sena oħra reġa’ naqas is-self nett u avvanzi tal-klijenti b’€21.6 miljun meta mqabbel mas-sena 2021. Għal sena oħra d-depożiti mill-klijenti reġgħu żiedu hekk kif ġie rreġistrat żieda ta 6%.

Matul is-sena li għaddiet kien hemm ukoll avvanz fis-sistema ta’ ġestjoni tal-frodi tal-kards. U allura dan ifisser li sar tisħiħ tal-protezzjoni tal-klijenti u tal-bank.