Internazzjonali Lokali

Il-Crew ta’ Net News fit-Turkija waqt it-terremot

It-Tnejn filgħaxija fuq il-midja soċjali nxtered filmat waqt il-ħin tat-terremot fit-Turkija hekk kif il-kollegi Simon Vella Gregory kif ukoll Noel Zammit kienu għadhom fit-Turkija.

Waqt intervista huma qasmu magħna kif ħassewhom waqt it-terremot fejn huma esprimew li ħassew biża’ kbira filwaqt li ħarġu jiġru mill-lukanda u sabu spazju miftuħ sabiex ikunu siguri. Dan wara li ta’ kuljum kellhom il-biża’ li l-lukanda tiġġarraf minn mument għall-iehor wara li wara kull lejl jiżdiedu x-xquq fis-soqfa u l-ħitan.

“F’daqqa waħda ħassejna biża’ kbira u qam stat ta’ paniku.” Dan esprimewh il-kollegi Simon Vella Gregoru Noel Zammit hekk kif esperjenzaw dan it-terremot.

Simon Vella Gregory qal li f’salt wieħed kulħadd qisu beda jibża’ filwaqt li ħafna nies bdew jiġru hekk kif qam stat ta’ paniku. Iżda hu sostna li ried ikompli jaħdem sabiex iwassal dak kollu li qed jiġri lit-telespettaturi sabiex verament jifhmu s-sitwazzjoni tan-nies.

Minn naħa tiegħu l-kollega Noel Zammit qal li dak il-ħin tħoss biża’ kbira għaliex ma tkunx taf x’se jiġri u f’liema sitwazzjoni se jispiċċaw issa dawn in-nies. Barra minn hekk, huwa qal li l-bini ma tistax tafdah għaliex ikun jista’ jiġġarraf minn ħin għall-ieħor.

Minn naħa tiegħu Simon Vella Gregory tkellem fuq dak li mpressjonah waqt li kien qiegħed fit-Turkija fejn dawn in-nies spiċċaw bla saqaf fuq rashom. Huwa saħaq li dawn in-nies għandhom bżonn ħafna għajnuna għaliex ħajjithom spiċċat għaliex dawn in-nies qed jgħixu f’tined u tilef l-affarijiet kollha tagħhom. Barra minn hekk, huwa qasam l-esperjenza tiegħu li omm kienet qed titallab għall-għajnuna għat-tarbija tagħha fejn sostna li din is-sitwazzjoni ħalliet marka fuqu.

Huwa ddeskriva d-diżastru li ntaqa’ miegħu fil-belt ta’ Hatay fejn qal li dan il-post spiċċa meqrud għal kollox. Simon Vella Gregory sejjaħ il-belt ta’ Hatay belt fantażma. Bħalissa fil-belt ta’ Hatay hemm ħafna tensjoni għaliex spiċċaw b’xejn u ma jafux meta ħajjithom se terġa’ tmur għan-normal. Barra minn hekk, dawn qed isibuha ferm diffiċli sabiex jaċċettaw ir-realtà ġdida tagħhom.

Noel Zammit esprima li ħajjet dawn in-nies inqelbet ta’ taħt fuq mill-lejl u nhar u m’għandhom l-ebda idea meta s-sitwazzjoni tagħhom se tmur lura għan-normal. Huwa saħaq li huwa impossibli li tifhem ir-realtà li qed jaffaċċjaw dawn in-nies għaliex dawn in-nies kellhom kollox u issa m’għandhom xejn. Huwa qal li din l-esperjenza żgur ħalliet impatt kbit f’ħajtu.