Il-kundizzjonijiet tal-infermieri qed imorru mill-ħażin għall-agħar…ma jistax il-Gvern jibqa’ għaddej business as usual bin-numru ta’ infermieri li hemm neqsin fl-Isptar Mater Dei.
Sostna dan ma’ Net News il-President tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel Paul Pace wara li t-Tlieta filgħodu l-MUMN ħabbret numru ta’ direttivi ġodda lill-infermieri fl-Isptar Mater Dei, direttivi li għandhom jidħlu fis-seħħ mit-Tlieta.
Paul Pace spjega li l-management tal-Isptar Mater Dei flimkien mal-Ministeru tas-saħħa mmexxi mill-Ministru Chris Fearne mhux qed jagħtu każ l-appelli kemm tal-pazjenti kif ukoll tal-impjegati tas-saħħa li jum wara l-ieħor jaħdmu b’tant dedikazzjoni u sagrifiċċju.
Il-President tal-MUMN sostna li huwa ta’ dispjaċir kbir li l-union kellha ssejjaħ dawn id-direttivi iżda insista li ma jistax ikun li żewġ infermieri waħedhom jagħmlu xogħol li suppost jinqasam bejn sitt minn nies.
Paul Pace insista li l-Gvern ma jistx jibqa’ għaddej bil-business as usual għax qabel ma jindirizza n-nuqqas ta’ infermieri li hemm fl-Isptar Mater Dei. Huwa saħaq li jekk il-Gvern se jkun qe dikompli jinjora dan il-fatt se jpoġġi f’detriment kemm saħħet il-pazjenti kif ukoll iwassal lill-ħaddiema għal punt ta’ burn out totali.
L-MUMN qiegħda tordna lill-membri tagħha li jekk sat-tmienja ta’ filgħodu ma jkunx hemm ratio ta’ infermier għal ma sitt pazjenti mhux se jkunu qed jiddaħħlu pazjenti ġodda. Dan filwaqt li jekk mal-lejl ma jintlaħaqx il-kwota ta’ infermier ma 8 pazjenti, l-istess direttiva tapplika.
Fil-jiem li għaddew kienu diversi dawk il-pazjenti jew saħansitra qraba li tkellmu ma’ Net News fejn spjegaw li preżentament hemm diżastru sħiħ b’persuna minnhom tisħaq li lill-ommha serqulha d-dinjità tagħha għaliex qiegħduha tieħu l-kura f’nofs kuritur.
Ħaddiema li tkellmu ma’ Net News qalulna li d-domanda fl-Isptar Mater Dei dejjem qiegħda tiżdied u li mhux qed ilaħqu mal-influss qawwi ta’ pazjenti.
Dan filwaqt li sostnew li huwa inaċettabli kif wieħed jista jingħata l-kura f’dawn il-kundizzjonijiet filwaqt li stqarrew li qed ikun ferm diffiċli għall-infermiera sabiex ilaħqu mal-pazjenti kawża tan-nuqqas ta’ impjegati fi ħdan l-isptar.
//= $special ?>