Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, waqt diskors fil-Polonja, qal li l-Ukrajna għadha ‘ħielsa u b’saħħitha’ minkejja l-invażjoni, sena ilu, tat-territorji tagħha mill-qawwiet tar-Russja.
Biden, li għaddej bi żjara f’dan il-pajjiż Ewropew tal-Lvant, effettivament kien qed iwieġeb għad-diskors aggressiv li sar sigħat qabel (f’Moska) mill-President Russu, Vladimir Putin….Diskors fejn Putin waħħal fil-Punent għal din il-gwerra waqt li anki ħalla l-bieb imbexxaq għall-użu ta’ arma nukleari minn pajjiżu.
Il-President Amerikan sostna li r-Russi mhuma se jirbħu qatt fl-Ukrajna u li ‘il-brutalità (tal-Kremlin) mhi se tegħleb qatt ir-reżistenza determinata tal-President (Ukren) Volodymyr Zelensky u l-poplu tiegħu.’
Dan fost stqarrija ċara li ‘il-mexxejja awtokratiċi ( bħal Putin) iridu jitwaqqfu milli jilħqu l-iskopijiet malinni tagħhom akkost ta’ kollox,’ — bil-President Biden jirrepeti l-istqarrija tan-NATO li se tkompli bħala ‘Alleanza magħquda li qed iżżomm sod lil Putin…L-istess Mexxej Russu li llum mgħadx għandu dubju dwar is-saħħa tal-koalizzjoni tal-Punent.’
Kien ukoll sinifikanti l-kumment ta’ Biden li mgħandu jonqos qatt l-impenn tal-Punent favur l-Ukrajna f’din is-sitwazzjoni diffiċli, u meta hu rrefera għall-‘kuraġġ u determinazzjoni tal-President Zelensky u t-truppi tiegħu’.
Hu kompla li n-NATO hi aktar magħquda minn qabel b’riżultat tal-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tal-Kremlin — b’din il-gwerra tirriżulta wkoll fl-isħubija tal-Iżvezja u l-Finlandja ( sa ftit ilu pajjiżi newtrali) fl-Alleanza tal-Punent.
Is-sitwazzjoni ġdida taż-żewġ Stati Skandinavi hi anki kontro-produttiva għar-Russja għaliex Moska użat l-invażjoni tal-Ukrajna (anki) bħala skuża biex tevita l-espansjoni potenzjali tan-NATO.
‘U filwaqt li l-gwerra fl-Ukrajna qed tagħlaq sena, l-Ukreni u l-Punent baqgħu magħqudin fl-appoġġ għad-demokrazija li spiċċat mhedda bil-kbir mill-invażjoni’, saħaq Biden.
Il-gwerra fl-Ukrajna, fl-aħħar xhur, ipperikolat il-prinċipji globali li ilhom jiffurmaw il-bażi għall-paċi fl-Ewropa għal aktar minn 75 sena.
U Joe Biden qal li filwaqt li Moska – u d-dinja – kienu qed jistennew il-kroll tal-Ukrajna quddiem l-Armata ta’ Putin, hu, bħala President tal-Istati Uniti, illum jista’ jiddikjara bla tlaqliq li l-Ukrajna baqgħet soda u determinata aktar minn qatt qabel biex tiddefendi s-sovranità ta’ artha.
Il-President tal-Istati Uniti, fl-istess ħin, faħħar l-impenn bla preċedent tal-Unjoni Ewropea – inkluża l-Polonja – biex tgħin fis-sigurtà tal-Ukrajna waqt li qed toffri wkoll għajnuna lill-Ukreni minn aspett ekonomiku u umanitarju.
//= $special ?>