Internazzjonali

Ir-Russja: Lesta ‘issegwi lill-Istati Uniti’ fil-provi għall-armi nukleari

FILE PHOTO: Russian and U.S. state flags fly near a factory in Vsevolozhsk, Leningrad Region, Russia March 27, 2019. REUTERS/Anton Vaganov

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, fost oħrajn, hedded li pajjiżu għandu jibda minnufih il-provi għall-armamenti nukleari f’każ li l-Istati Uniti tiddeċiedi biex taqbad din it-triq perikoluża.

Dan meta l-ftehim bl-isem New Start Treaty – iffirmat oriġinarjament fl-2010 mill-eks President Amerikan Barack Obama u l-eks President Russu Dmitry Medvedev – jillimita l-warheads għal dawn iż-żewġ potenzi; minbarra li jippermetti wkoll għall-ispezzjonijiet tal-faċilitajiet nukleari.

It-trattat, fl-istess ħin, jillimita lill-Istati Uniti u r-Russja għal 1,500 warhead għall-missili nukleari għal fuq id-distanzi twal – b’dawn l-ammonti jkunu anqas min-numri tal-missili elenkati fil-ftehim ‘Start’ preċedenti.

Sadanittant, l-Istati Uniti, fl-aħħar jiem, akkużat lir-Russja dwar abbuż ta’ dan il-ftehim fost l-istqarrijiet li ‘Moska qed tirrifjuta l-ispezzjonijiet fis-siti (nukleari) partikulari’.

Min-naħa tiegħu, Jens Stoltenberg, bħala s-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, esprima t-tħassib tiegħu waqt li ħeġġeġ biex ir-Russja tikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni biex tissospendi l-isħubija fl-ftehim New Start.

Stoltenberg kompla li Vladimir Putin, irrispettivament minn kollox, qiegħed jeskala l-gwerra fl-Ukrajna u meta l-Alleanza tal-Punent qed taħseb għal laqgħat mal-esperti fil-qasam tax-xiri tal-armi biex jaċċerta li l-Ukrajna għandha l-armamenti meħtieġa biex tiddefendi ruħha kontra l-aggressjoni ta’ Moska.