Il-poplu fil-provinċja Torka ta’ Hatay mill-ġdid qed jgħix jiem ta’ biża’ u inċertezza kbira wara li l-inħawi, fil-lejl tat-Tnejn, intlaqtu mill-ġdid minn terremot ieħor li mmarka 6.4 fuq l-Iskala Richter…
Filwaqt li t-theżżiża laqtet viċin ħafna l-belt ta’ Antakya, ir-residenti tal-provinċja qegħdin jagħmlu l-kalkuli tal-aħħar traġedja huma u jistejqru mit-terremoti storiċi tas-6 ta’ Frar li ħallew ammonti kbar ta’ mejtin u midruba fl-inħawi.
Il-belt ta’ Antakya anki tinsab qrib il-fruntiera mas-Sirja u l-aħħar rapporti miz-zona qalu li mietu talanqas għaxra fit-theżżiża ġdida – biċ-ċifra tal-vittmi mistennija titla fis-sigħat li jmiss.
Dan wara li t-terremoti tas-6 ta’ Frar ħallew 44,000 mejtin fit-Turkija u s-Sirja, b’għexieren ta’ eluf oħra jitilfu djarhom b’konsegwenza tat-theżżiż.
L-aħħar rapporti miż-żewġ pajjiżi konfermaw li għadhom qed iċedu l-bini li ddgħajfu mit-terremoti – bl-aħħar terremot f’Hatay ikun segwit minn għexieren ta’ aftershocks jew theżżiż sekondarju.
Intant, il-Ministru Tork responsabbli mis-Saħħa, Fahrettin Koca, qal li mat-300 spiċċaw midruba waqt it-terremot inkwistjoni – b’uħud ikunu rappurtati f’sitwazzjoni kritika. Madankollu, iċ-ċifra tal-mejtin, f’dan il-każ, tista’ tkun pjuttost baxxa minħabba li t-terremot tat-Tnejn laqat f’zona li spiċċat prattikament ‘vojta min-nies’ wara li ġarrbet l-impatt tat-terremoti preċedenti.
//= $special ?>