Raġel ta’ 49 sena weġġa’ gravi wara li waqa’ waqt li kien qiegħed jagħmel xi xogħol f’blokka ta’ appartamenti fil-Mellieħa.
L-inċident seħħ it-Tlieta għall-ħabta tad-9:00 ta’ filgħodu hekk kif il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq ta’ Masrija, il-Mellieħa.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li raġel ta’ 49 sena, residenti Ħaż-Żabbar, weġġa’ wara li waqa’ waqt li kien qed jagħmel xi xogħol fit-taraġ ta’ komun ta’ blokka ta’ appartamenti.
Ir-raġel ingħata l-għajnuna minn tim mediku kif ukoll minn membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Ftit tal-ħin wara huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-kura meħtieġa.
Aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
Bl-inċident kienet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit li ħatret inkjesta, filwaqt li l-Pulizija u l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol għaddejjin bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.
//= $special ?>