Lokali Qorti

Jisraq għamara u karozza minn residenza u tliet vetturi oħra minn showroom

Libjan ta’ 50 sena li m’għandux indirizz fiss ammetta quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li x-xahar l-ieħor seraq diversi oġġetti ta’ għamara u karozza minn propjetà fl-Imsida u li seraq tliet karozzi oħra minn showroom. Abdulsalam Salem Ben Hamed ammetta li seraq l-oġġetti minn villa fi Triq Esperanto u karozza Morris Minor għad-dannu ta’ koppja, liema serqa seħħet bejn is-7 u s-17 ta’ Jannar bil-valur jeċċedi €2,329.37ċ.

Huwa ammetta wkoll li fil-lejl ta’ bejn l-10 u l-11 ta’ Frar li għadda seraq tliet karozzi oħra tal-għamla Peugeot mix-showroom ta’ fejn jinbiegħu dawn il-karozzi li jinsab fi Triq Nazzjonali, l-Ħamrun, liema karozzi jiswew eluf konsiderevoli ta’ ewro.

Il-Libjan ammetta wkoll li kiser il-provedimenti ta’ sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati fit-30 ta’ Lulju, 2021 u li sar reċidiv.Il-Qorti se tgħaddi għas-sentenza nhar it-Tnejn, 27 ta’ Frar li ġej u li sakemm tingħata huwa se jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jeffrey Scicluna filwaqt li għal Libjan dehret l-Avukat Josette Sultana.