Lokali

Kuntatt kontinwu biex insaħħu lill-ħaddiema u lill-familji Malti u Għawdxin – PN

Il-PN f’laqgħa mal-GWU

Se nibqgħu għaddejjin b’kuntatt kontinwu b’idejna fuq il-polz tas-settur sabiex il-ħaddiema u familji Maltin u Għawdxin ikomplu jkunu fiċ-ċentru tal-politika tal-Partit Nazzjonalista.

Sostna dan il-President għad-djalogu soċjali tal-Partit Nazzjonalista, Chris Said meta flimkien mad-Deputat Ivan Castillo kelliem għax-Xogħol kif ukoll Albert Buttigieg kelliem għal għixien aħjar b’impenn kontra l-għoli tal-ħajja t-Tlieta waranofsinhar iltaqgħu mal-General Workers Union.

Matul din il-laqgħa ġie diskuss il-fatt li impjegat irid jitħallas paga denja għax-xogħol li jwettaq dik magħrufa aħjar bħala l-equal pay għal equal value. Iddiskutew wkoll il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema f’pajjiżna kif ukoll semgħu lir-rappreżentanti tal-union li qasmu diversi esperjenzi u sfidi li l-membri tagħhom iħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum fuq il-post tax-xogħol.

Dan kollu bil-għan sabiex il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ b’mod effettiv jaħdem sabiex l-impjegati jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol li verament jixraqilhom. Ġie spjegat li din kienet biss waħda mill-ewwel laqgħat li l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed ikollu mal-korpi kostitwiti sabiex il-ħidma tal-Partit tkompli ssaħħaħ lill-ħaddiema u lill-familji Maltin u Għawdxin