Kultura Lokali

L-aħħar jum tal-briju tal-karnival tas-sena 2023

Il-Gżejjer Maltin f’dawn l-aħħar jiem kellna temp mill-isbaħ li ħoloq atmosfera fantastika għall-Karnival ta’ din is-sena hekk kif it-Tlieta filgħaxija dan il-brijju ta’ ilwien jasal proprju fi tmiemu.

L-avvenimenti għall-aħħar jum jinkludu l-isfilata illi fiha jispikkaw l-karrijiet ikkuluriti b’diversi temi differenti. Jekk wieħed imur dawra mat-toroq tal-Belt Valletta u l-Furjana wieħed mal-ewwel jinnota tbissima fuq diversi tfal u ġenituri.

Barra minn hekk, wieħed jista jara s-sodisfazzjon ta’ diversi dilettanti li għal sena oħra rnexxielhom iferrħu u jallegraw lill-poplu Malti bil-karrijiet tagħhom.

L-avvenimenti fil-Belt Valletta għall-aħħar jum bdew għal ħabta tal-5:30 ta’ filgħaxija hekk kif id-dilettanti jkunu qed jippreparaw għal Gran Defile fejn il-karrijiet jgħaddu minn Triq Sant Anna fil-Furjana bl-attivitajiet ikomplu wkoll fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta fejn il-festa ta’ briju tilħaq il-qofol tagħha.

Ma setax jonqos li matul dawn il-jiem tal-karnival saru diversi kompetizzjonijiet ta’ żfin, sfilati ta’ baned u karrijiet kif ukoll wirjiet oħra.

Bħal kull sena sar ukoll il-Karnival f’Għawdex bil-karnival spontanju tan-Nadur.

Matul tmiem il-ġimgħa eluf ta’ Maltin marru bi ħġarhom sabiex jiċċelebraw il-Karnival tan-Nadur.

Għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-ħelu, il-festa tal-perlini u l-prinjolata tispiċċa t-Tlieta, hekk kif l-Erbgħa jibda l-perjodu tar-Randan; perjodu li fih il-Knisja Kattolika tħeġġeġ għas-sawm u l-astinenza bi preparazzjoni għall-ġranet li jwasslu sal-Ġimgħa l-Kbira.

Fejn imbagħad jintlaħaq il-qofol nhar l-Għid il-Kbir – meta tiġi ċċelebrata l-akbar festa fil-kalendarju tal-Knisja Kattolika.