L-istorja ta’ wieħed mill-aqwa gowlkipers Maltin ta’ kull żmien, Freddie Mizzi magħruf aħjar bħala ‘il-Pampalun’, kienet irrakuntata mill-ġdid nhar il-Ħadd li għadda f’Replay b’servizz mis-sensiela l-ġdida li nieda l-programm tal-futbol bl-isem ta’ “Kienu qaluha fuq Replay”.
Din ir-rubrika b’differenza, qed taqbad intervisti popolari ma’ eks plejers, kowċis u referees tal-futbol Malti, u li diġa’ dehru fil-programmi Replay fil-passat permezz ta’ rubrika oħra, ‘X’Sar Minnhom?’, u b’verżjoni qasira mill-intervista oriġinali, dawn l-intervisti qed jerġgħu jingħataw il-ħajja, b’muntaġġ attrajenti u mexxej.
L-intervista ma’ Mizzi minn din ir-rokna l-ġdida hija t-tielet waħda li ppreżenta Replay matul din is-sensiela, bit-tnejn l-oħra kienu ma’ Joe Galea ‘l-Olandiż’ u Louis Arpa. Ir-rispons għal dawn is-servizzi qosra u mimlija b’tant emozzjoni u nostalġija, kien wieħed kbir.
Il-producer eżekuttiv tal-programmi Replay, Christian Micallef qal li minn Settembru tal-2015 sal-llum, saru ‘l fuq minn 130 intervista differenti ma’ personalitajiet li kitbu l-istorja tal-futbol Malti.
“Ikun dnub jekk ċertu intervisti epiċi jintesew għaldaqstant permezz ta’ din ir-rokna, qed inisslu nostalġija u emozzjonijiet kbar ta’ dak li kienu qalu f’Replay, fis-snin li għaddew, uċuħ li huma meqjusa ikoni tal-futbol Malti,” qal Micallef.
L-intervista li dehret l-aħħar ma’ Mizzi, eks gowlkiper ta’ Malta, Melita, Floriana u Hibernians, saret aktar minn seba’ snin ilu, iżda l-presentazzjoni l-ġdida tagħha f’Replay, reġgħet fakkritna x’kien qal ‘il-Pampalun’ dwar il-karriera sabiħa tiegħu bejn il-lasti.