Il-Human Rights Office tan-Nazzjonijiet Uniti kkonferma – permezz ta’ ċifri ġodda — li nqatlu ‘il fuq minn 8,000 ċivili Ukreni waqt sena ta’ gwerra f’pajjiżhom. Dan meta kienu wkoll irreġistrati madwar 14,000 ċivili midruba fi tnax-il xahar ta’ konflitt.
Filwaqt li l-President Russu Vladimir Putin kien qed jitkellem dwar il-gwerra (fl-aħħar sigħat), il-kelliema għall-missjoni tal-moniteraġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Ukrajna wissew li l-vera ċifra taċ-ċivili maqtula kapaċi tkun ferm ogħla.
Dan meta għad trid toħroġ l-istatistika dettaljata mill-belt ta’ Mariupol – fejn in-Nazzjonijiet Uniti dokumentat ‘il fuq minn 2,000 mewta li għad iridu jkunu verifikati mija-fil-mija.
Sadanittant, waqt li Putin kien qed jgħid li r-Russja ‘qed tiddefendi l-ħajja tan-nies’, il-qawwiet Russi wettqu aktar attakki fuq iċ-ċivili fin-nofsinar tal-Ukrajna – b’għexieren oħra jinqatlu jew jindarbu mill-missili li laqtu liz-zoni residenzjali ta’ Kherson. Dan fost rapporti li l-missili laqtu wkoll lill-belt ta’ Ochakov, bl-awtoritajiet lokali ma jikkonfermawx iċ-ċifri tal-vittmi.
//= $special ?>

