Futbol Sport

Mosta jressqu protest kontra Valletta dwar Niltinho

Mosta FC ressqu protest li fih jargumentaw li Valletta għamlu użu minn plejer li ma kienx eliġibbli.

Il-każ hu dwar l-attakkant Brażiljan Nilton Soares Rodrigues, li fil-logħba ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet beda l-logħba kontra Mosta FC sakemm tkeċċa fit-68 minuta, għal żewġ karti sofor.

Madankollu, Mosta FC qed jargumentaw li Niltinho ma kienx eliġibbli li jilgħab kontrihom għaliex Valletta hu t-tielet klabb li lagħab miegħu fl-istess staġun.

Biex jikkonfermaw l-argument tagħhom, Mosta FC jirriżulta li ressqu provi li juru kif Niltinho lagħab fil-Brażil ma’ Club Náutico Capibaribe sakemm ġie rilaxxat u ngħaqad ma’ Panachaiki G.E. 1891 tal-Greċja. Ma’ dawn tal-aħħar lagħab bejn Settembru u Jannar, meta kien rilaxxat biex ivvjaġġa lejn Malta u ffirma ma’ Valletta.

Jekk il-provi mressqa minn Mosta FC jkunu verifikati, Valletta Football Club mhux biss qed jirriskjaw il-punt li kisbu f’din il-logħba, iżda saħansitra jispiċċaw bi plejer fl-iskwadra li ma jistax jilgħab iżjed matul dan l-istaġun.