L-emenda tal-abort. Il-Kummissarju tal-Istandards. L-irwol tal-Ombudsman. Il-futur taż-żgħażagħ f’pajjiżna. L-element tal-kostruzzjoni u l-ħbiberija żejda tal-politiċi ma’ persuni terzi.
Dawn huma elementi li se jiddominaw il-programm PROFILI li se jixxandar illejla fuq Net TV…fejn mistieden se jkun l-eks Ministru Evarist Bartolo.
Fl-ewwel parti tal-programm se nsiru nafu aktar l-isfond personali ta’ Evarist Bartolo, filwaqt li t-tieni se tkun qed teħodna aktar fuq kwistjonijiet riċenti fl-isfera tal-politika Maltija – fosthom dwar kif suppost għandhom jaħdmu l-istituzzjonijiet f’pajjiżna.
Fil-programm, il-preżentatur James Aaron Ellul jistaqsi lil Evarist Bartolo għaliex f’waqtiet kien jikteb mod fuq il-midja soċjali, iżda mbagħad, kien jivvota mod ieħor.
U dwar il-liġi li se tkun qed iddaħħal l-abort f’pajjiżna. Evarist Bartolo qal li emendi bħal dawn qatt ma jistgħu jiddaħħlu bil-moħbi jew bil-kuntrabandu.
Fi PROFILI tal-lejla, l-eks Ministru tal-Edukazzjoni se jkun mistoqsi wkoll dwar il-fatt li ħafna żgħażagħ mhux jaraw futur f’Malta. PROFILI bi produzzjoni u preżentazzjoni ta’ James Aaron Ellul se jkun qiegħed jixxandar illejla fit-8.30pm fuq Net TV.
//= $special ?>