Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal anzjan li ħajjar żewġ subien jagħmlu atti sesswali miegħu

Anzjan ta’ 62 sena kien ikkundannat 13-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li sabitu ħati li ħajjar żewġ subien ta’ 12-il sena biex jagħmlu atti sesswali miegħu. Nicholas Zammit instab ħati li fit-12 ta’ Settembru tal-2020 u qabel ikkaġuna biża fuq iż-żewġt itfal li kienet se tintuża vjolenza fil-konfront tagħhom, li tahom fastidju, li talabhom favuri sesswali, li tkellem jew aġixxa b’mod sesswali fil-preżenza ta’ minuri, li ħebb għalihom u li heddidhom.

Wieħed mis-subien qal li biex iħajjru jagħmel is-sess miegħu, Zammit kien qallu li kellu x’jaqsam sesswalment ma’ Kappillan u anke tabib fi sptar. Darba minnom ir-raġel saħansitra qallu li kien lest ilaqqgħu ma’ tfajla ta’ 16-il sena biex jagħmlu s-sess f’għalqa.

L-Ispettur Roxanne Tabone, li investigat il-każ u mexxiet il-Prosekuzzjoni qalet li kienu ż-żewġ subien li rrappurtaw li Zammit kien qed jagħtihom fastidju sesswali. Wieħed mit-tfal vittma saħansitra qal li sema’ lir-raġel jitlob lill-ieħor jagħmel atti sesswali miegħu u riedu jlaqqgħu wkoll ma’ tifla.

Meta t-tifel waqaflu nqala’ argument mar-raġel u t-tifel l-ieħor mar biex iwaqqaf l-argument u kien f’dan il-ħin li l-akkużat beda jitkellem ħażin u qabdu minn għonqu. It-tifel qal ukoll lill-Pulizija li r-raġel ittanta liz-ziju tal-ġuvnott l-ieħor u anke hedded lil omm il-ġuvnott meta din ikkonfrontatu u wissietu biex ma jdejjaqx lil binha.

Minbarra l-informazzjoni li ta lill-Pulizija, t-tifel xehed fil-Qorti kif l-akkużat kien joqgħod ħdejh u spiss kienu jitkellmu fuq il-bankina. Fil-bidu il-kliem kien ikun wieħed normali imma maż-żmien l-akkużat beda jagħmel mossi bil-parti tiegħu u joqgħod ikellmu fuq is-sess fejn kien jistiednu biex jagħmlu atti sesswali orali fuq xulxin.

Waqt il-kontroeżami l-minuri qal illi fit-tieni ġimgħa li kien imur hdejn l-imputat, dan kien jghidlu dawn l-affarijiet u li kien imur ħdejh filgħaxija xis-7:15pm. u kien idum hemm xi siegħa mbagħad kien imur jilgħab ma’ sħabu bir-rota. It-tifel qal li hu kien mar jgħid lil sieħbu, u li dan mar jgħid lil ommu.

Huwa qal li beża’ jagħmel rapport lill-Pulizija għax l-akkużat heddu li jekk jgħid lill-ġenituri “ma kienx se jara x-xemx tiela’”. It-tifel l-ieħor ukoll xehed u qal li r-raġel qallu li ried ikollu x’jaqsam sesswalment miegħu.

Huwa sostna li għall-ewwel ħaseb li r-raġel kien qed jiċċajta imma meta reġa’ aġixxa bl-istess mod offenda lir-raġel b’ommu u dan qabdu minn għonqu u wrieh il-ponn. It-tifel qal ukoll li r-raġel ipprova jlaqqgħu ma’ tfajla imma meta wrieh ritratt, din kienet tidher li kienet profil falz.

In-nanna tat-tifel tħassbet meta bdiet tara lin-neputi kwiet

In-nanna tat-tifel xehdet fil-Qorti li rat lin-neputi kwiet u meta staqsietu x’ġara, huwa staqsiha jekk kinitx lesta li żżomm sigriet u qalilha li l-akkużat kien qallu kliem pastaż. Għall-ewwel ħasbet li l-akkużat, li tafu bħala Kola, kien qal kliem ħażin quddiem in-neputi imma mbagħad saret taf dak li ġara, qalet lil bintha u marru jagħmlu rapport lill-Pulizija waqt li żiedet li meta bintha affrontatu taha daqqa ġo darha.

L-omm minn naħa xehdet u qalet li meta ommha qaltilha bl-istorja bdiet tiftakar affarijiet li kien qalilha binnha ftit qabel fosthom “Ma, li kieku nkun gay nagħmel suwiċidju”. Qalet li Kola hedded lil binha li se jiddispjaċih li mar l-Għassa jirrappurtah u kkonfermat li taha daqqa fuq daharha meta kkonfrontatu.

Xehed ukoll iz-ziju tat-tifel u qal li meta kien tal-istess età ta’ neputih, l-akkużat kien jgħidlu biex iqiegħed idejh fuq saqajh imma sa hemmhekk wasal. Xehed ukoll tabib li qal li ilu jaf lill-akkużat 34 sena u sostna li dan ibati minn aċċessjonijiet u jieħu pilloli li jaffettwawlu l-parti sesswali imma mhux ix-xewqat sesswali. L-akkużat kien mitkellem mill-Pulizija u ċaħad dak li qalu l-minuri u sostna li qatt ma seta’ jkollu x’jaqsam sesswalment għax għandu problemi ta’ saħħa.

Meta ġiet biex tiddeċiedi, l-Maġistrat Stafrace Zammit qalet li mill-provi rriżulta li Zammit qal kliem ta’ natura sesswali liż-żewġ minuri u talabhom favur sesswali. Qalet li Zammit ipprova jitfa’ dell ikrah fuq dawn il-minuri, li forsi kellhom motivi ulterjuri biex jaqilgħu gidba fuqu, iżda minn imkien mill-kawża ma ħareġ li dawn il-minuri setgħu kellhom xi mottiv biex jixhdu l-falz.

Kien għalhekk li sabitu ħati li talab liż-żewġ subien favuri seswali, li qal kliem sesswali quddiemhom, li ħebb għal wieħed minnhom u li heddidhom. Minbarra s-sentenza ta’ ħabs sospiża hija ħarġet ordni ta’ trażżin għal sentejn biex ma jersaqx lejn iż-żewġ subien.

Il-Qorti ordnat l-ħruġ ta’ Ordni ta’ Trażżin a bazi tal-Artikolu 382A tal-Kapitolu 9 tal-Ligijiet ta’ Malta a favur tal-vittmi għal żmien sentejn, liema Ordni għandha tifforma parti integrali minn din is-sentenza. Il-Qorti spjegat lill-ħati fi kliem sempliċi r-riperkussjonijiet jekk din l-Ordni ma tiġix obduta.