Il-President tar-Russja Vladimir Putin, waqt diskors twil biex jiddettalja s-sitwazzjoni ta’ pajjiżu, waħħal ċar u tond fil-Punent bħala ‘il-kaġun’ tal-gwerra li nhar, il-Ħamis tagħlaq sena fl-artijiet tal-Ukrajna.
Putin, filwaqt li prova jpitter lir-Russja bħala ‘vittma taċ-ċirkustanzi’ enfasizza li l-pajjiżi tal-Punent ipprovokaw il-konflitt tal-Ukrajna u li dawn l-Istati, fl-aħħar xhur, għamlu minn kollox biex jeskalaw il-ġlied.
Dan ukoll waqt li Putin akkuża lill-Ukrajna bħala protagonista fl-akbar konflitt li qatt rat l-Ewropa mit-Tieni Gwerra ‘il hawn – bil-President Russu jinsisti li pajjiżu għandu r-responsabbiltà biex jelimina t-Tmexxija fi Kiev li akkużaha bħala ‘Gvern estremista magħmul min-neo-Nażisti’.
Fi żvilupp ieħor, Putin – li kien applawdit kemm-il darba mid-deputati tal-Gvern u l-uffiċjali tal-aktar oqsma importanti li attendew għad-diskors – xeħet f’dubju kbir il-validità tal-ftehim magħruf bħala New Start li r-Russja ffirmat snin ilu, flimkien mal-Istati Uniti.
Fil-fatt, il-Mexxej Russu qal li pajjiżu kien qed jissospendi l-parateċipazzjoni tiegħu f’dan il-ftehim ewlieni li jesiġi għall-kontroll tal-armamenti – bl-osservaturi jemmnu li Putin, mill-ġdid, kien qed jaħseb biex iwassal theddida oħra ta’ ‘attakk nukleari potenzjali’ fuq il-Punent.
Il-ftehim ‘New Start’ hu l-aħħar patt li jikkonċerna l-armi nukleari bejn Moska u Washington u meta, fl-2021, kien spiċċa estiż b’ħames snin oħra.
Vladimir Putin kompla jakkuża lill-Istati Uniti u l-Alleati tal-Punent bħala ‘pajjiżi mitlufin fl-ossessjoni li jiksbu l-poter bla limitu’ — u meta, skont hu, ir-Russja spiċċat f’taqbida għall-eżistenza tagħha bħala Stat.
Fl-istess ħin, l-osservaturi barranin li kienu qed isegwu d-diskors twil ta’ Putin ċaħdu assolutament għall-akkużi tiegħu fis-sens li l-Punent jista’ qed jippjana attakk militari fuq ir-Russja’ bħala kliem fieragħ u infondat.’
Sallum, ir-Russja tilfet ammont terribbli ta’ suldati fil-battalji li ilhom għaddejjin ix-xhur għall-kontroll tal-Ukrajna – bl-ammonti tat-truppi maqtula qed ikunu kalkulati ‘bil-mijiet’ ma’ kull ġurnata. Madankollu, il-Kremlin ta’ Moska xorta qed iħejji għal offensiva kbira fuq iz-zoni difiżi mill-Ukreni u li kapaċi ssir fi kwistjoni ta’ jiem.
//= $special ?>