Lokali

Żagħżugħ fil-periklu tal-mewt wara inċident ikrah f’Ħaż Żebbuġ

Żagħżugħ ta’ 19-il sena qed jissielet għal ħajtu wara ħabta kerha f’Ħaż Żebbuġ.

L-inċident seħħ it-Tnejn filgħaxija għall-ħabta tas-6:15, fi Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ.

Il-Pulizija marret fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet rriżulta li żagħżugħ ta’ 19-il sena residenti Ħal Qormi, tilef il-kontroll tat-Toyota Vitz li kien qed isuq, ħabat mal-barrikati kif ukoll ma’ ħajt, b’konsegwenza li l-vettura ġarrbet ħsarat estensivi.

Tim mediku ta l-għajnuna filwaqt li ambulanza ħadet liż-żagħżugħ l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.

Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji u li jinsab fil-periklu tal-mewt.

Il-Maġistrat tal-għassa Gabriella Vella kienet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.