Internazzjonali

AĠĠORNATA: 150 tifel u tifla għadhom maqbuda f’Bakhmut

Ir-rapport ta' Robert Cremona minn New York

“Għandna dritt li ngħixu liberi, u ma nkunux torturati. Kollha għandna dan id-dritt. Iżda dan ġie meħud lilna mir-Russi.”

Waqt li indirizzat laqgħa għolja tan-Nazzjonijiet Uniti l-Erbgħa wara nofsinhar, il-mara tal-President Ukren – Olena Zelenska – tkellmet dwar id-drittijiet umani li inkisru b’mod regolari fl-aħħar 12-il xahar fl-Ukrajna. Dan hekk kif l-armata ta’ Putin għadha għaddejja bl-offensiva tagħha.

Hi semmiet fost l-oħrajn is-sitwazzjoni kritika f’Bakhmut fejn għad hemm diversi ċivili maqbuda; fosthom 150 tifel u tifla.

Olena Zelenska tkellmet permezz ta’ messaġġ irrekordjat, u fil-laqgħa tan-Nazzjonijiet Uniti preżentat diversi ritratti ta’ bliet li fl-aħħar sena ġew meqruda għal kollox mir-Russi; minn Irpin sa Bucha, minn Kiev sa Mariupol.

“Mariupol, Dnipro, Bakhmut – kollha simboli tal-ħruxijiet tar-Russi”, qalet Zelenska.

“Ġustizzja mal-poplu Ukren tfisser ġustizzja għad-dinja kollha”, qalet Zelenska, filwaqt li appellat biex jiġu investigati r-reati tal-gwerra li seħħew fl-aħħar sena minn mindu bdiet l-invażjoni tal-Kremlin.

Intant, l-istess laqgħa ġiet indirizzata wkoll mill-Ministru Ukren Dmytro Kuleba li sejjaħ dan l-anniversarju tal-gwerra bħala ‘wake-up call’ għad-dinja kollha wara li r-Russi kisru d-Dikjarazzjoni Internazzjonali tad-Drittijiet Umani b’kull mod possibbli.

Kuleba għalhekk appella għat-twaqqif ta’ Tribunal Internazzjonali biex toħroġ il-verità ta’ dawn il-ħruxijiet.

Din il-laqgħa għolja tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York saret fit-Trusteeship Council Chamber.

Fost l-interventi, kien hemm il-Prosekutur tal-Qorti tar-Reati Internazzjonali (ICC) Karim Khan illi semma’ kif hemm bażi li tipponta lejn reati tal-gwerra li seħħew fl-Ukrajna – każi ta’ abbużi sesswali, tortura u qtil ta’ nisa u tfal innoċenti. “Nitolbu li l-agħar ta’ din il-gwerra għadda”, stqarr il-Prosekutur.

B’rabta ma’ dan l-anniversarju tal-gwerra, il-Ħamis Net TV se jkun qed iwassal xandiriet speċjali mis-6pm ‘il quddiem. U waqt il-programm NETLIVE se jsiru kollegamenti diretti mal-Ukrajna u anke ma’ New York fejn għaddejin dawn il-laqgħat importanti.