Il-Gvern immexxi minn Robert Abela qiegħed jibqa’ jinjora l-appelli ta’ bosta sabiex tinfetaħ inkjesta pubblika indipendenti b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia – iż-żagħżugħ ta’ 20 sena li tilef hajtu taħt it-tiġrif ta’ binja taħt kostruzzjoni f’Diċembru li għadda.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista se jagħmel mozzjoni fil-Parlament biex jitlob li tinfetaħ din l-inkjesta pubblika indipendenti…Abela u l-membri tal-Kabinett tiegħu ma jridux jafu.
Net News illum kellu l-opportunità li jistaqsi kemm lill-Ministru Owen Bonnici u kif ukoll lill-Ministru Clayton Bartolo dwar jekk jaqblux li ssir inkjesta pubblika indipendenti fil-każ ta’ Jean Paul Sofia fejn il-Ministri tennew ir-retorika tal-Prim Ministru bil-Ministru Bonnici jibqa’ jtenni l-istess stqarrija għal darbtejn tlieta anki meta saqsejnih x’se jkun qed jivvota għall-mozzjoni li se jressaq il-PN fil-Parlament f’dan ir-rigward.
Owen Bonnici: “Jien naqbel perfettament mal-pożizzjoni tal-PM”
Ġ: X’se tkun qed tivvota fil-Parlament?
Owen Bonnici: “L-istess kif għedt naqbel pefettament mal-pożizzjoni tal-PM”.
L-istess il-Ministru Bartolo fejn qal li diġà tkellem f’dan ir-rigward u m’għandu xejn iktar xi jżid.
“Dwar dan il-każ diġà tajt il-kummenti tiegħi u m’għandi xejn xi nżid”
U wara xahrejn għadu ma ġie arrestat ħadd b’rabta ma’ dan il-każ, xahrejn mingħajr tweġibiet ta’ x’wassal għat-tiġrif ta’ dan il-bini li ħasad il-ħajja taż-żagħżugħ, xahrejn fejn min huwa responsabbli għal dak li seħħ seta’ faċilment ħarab.
Saqsejna lill-Ministri jekk hux se jisimgħu anki mit-talba ta’ omm Jean Paul Sofia biex issir inkjesta pubblika indipendenti biż-żewġ Ministri ma jbiddlu xejn mir-ripetizzjoni kontinwa fit-tweġibiet tagħhom.
Ġ: Anki wara l-appell tal-omm il-vittma biex issir inkjesta pubblika indipendenti, se tibqa’ taqbel mal-PM?
Owen Bonnici: “Jien naqbel perfettament mal-istqarrija tal-PM u m’għandi xejn xi nżid magħha”
Clayton Bartolo: “Diġà weġibt li tajt il-kummenti tiegħi u m’għandi xejn xi nżid”