Internazzjonali

Franza: Il-qtil ta’ għalliema fi skola mhux meqjus bħala terroriżmu

Il-poplu Franċiż qed isegwi l-iżviluppi drammatiċi wara li student li kien jattendi skola għolja ta daqqiet ta’ sikkina fatali lil għalliema wara li daħal għaliha fil-klassi kiesaħ u biered.

L-inċident seħħ fil-belt ta’ Saint-Jean-de-Luz, bil-media Franċiża ssostni li l-aggressur seta’ kien qed ibati mill-problemi mentali fil-ħin meta wettaq l-attakk.

Filwaqt li l-każ qed ikun investigat bir-reqqa, l-awtoritajiet Franċiżi qalu li l-fażi bikrija tal-investigazzjoni ma indikat xejn li l-qtil tal-għalliema seta’ kien każ ta’ terroriżmu.

Minuti wara l-attakk, kelliema għall-Gvern Franċiż ikkonfermaw li l-aggressur għandu 16-il sena, bil-pulizija, imbagħad, imexxu l-inkjesta fl-iskola fejn seħħ l-attakk u li hi msemmija għal Saint Thomas d’Aquin.

Dan ukoll wara li l-istudent spiċċa arrestat fuq il-post u wara li ma offriex wisq reżistenza lill-uffiċjali tal-liġi.

L-awtoritajiet qalu li l-aggressjoni seħħet f’ħin meta l-għalliema – li kellha bejn il-50 u s-60 sena u li ma kenitx identifikata — kienet qed tagħti klassi bl-Ispanjol. Hi mietet ftit wara minn attakk tal-qalb dovut għall-ġrieħi li ġarrbet fl-attakk u f’ħin meta waslu fuq il-post is-servizzi għall-emerġenza li ma rnexxilhomx iġibuha lura f’sensiha.