Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Ir-Russja u ċ-Ċina jikkonsolidaw l-alleanza fl-anniversarju tal-konflitt

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin iltaqa’, illum, mal-Ogħla Diplomatiku taċ-Ċina, Wang Yi, li kien qed iżur Moska bħala parti minn tour li qed jagħmel bħalissa fl-Ewropa.

Iż-żjara rriflettiet għaqda akbar’bejn ir-Russja u ċ-Ċina fi żmien partikularment sensittiv għall-Punent, l-Ewropa u d-dinja. Fl-istess ħin, iż-żjara ta’ Wang, flimkien mal-istqarrijiet li ħarġu mil-laqgħa ma’ Putin, ma indikawx daqstant li Beijing se jaddotta linja ta’ newtralità assoluta fil-Gwerra tal-Ukrajna u minkejja l-appelli kontinwi taċ-Ċiniżi għall-paċi.

Filwaqt li l-Istati Uniti għadha qed twissi liċ-Ċina biex ma tgħinx lir-Russja bl-armamenti Wang Yi qal, fil-preżenza ta’ Putin, li r-rabtiet ta’ pajjiżu mar-Russja ma jistgħux ikunu influwenzati minn pajjiżi oħra, bi kliemu anki jenfasizza l-alleanza soda li teżisti bħalissa bejn Moska u Beijibng.

Fl-istess ħin, iċ-Ċina u r-Russja qed isostnu li huma kontra kull forom ta’ intimidazzjoni’ meta l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea qed iħejju aktar sanzjonijiet għar-Russja minħabba l-attakki kontinwi mill-qawwiet tal-Kremlin fuq il-komunitajiet ċivili fl-Ukrajna.

U l-Gvern Ċiniż baqa’ jiċħad għall-akkużi li qed jaħseb biex jissupplixxi l-armi u l-munizzjon lir-Russja li tilfet ammont terribbli ta’ tankijiet tal-gwerra u vetturi armati fi tnax-il xahar ta’ gwerra fl-Ukrajna.

Il-President Putin, wara l-laqgħa, mar fis-Stadium ta’ Luzhniki, f’Moska biex jindirizza lill-eluf ta’ nies preżenti għal rally u kunċert li kienu qed ifakkru l-anniversarju tal-gwerra fl-Ukrajna flimkien mal-Jum iddedikat lid-Difensuri tar-Russja.

Hemmhekk, Putin, waqt diskors lill-folol pakkjati fl-Istadium, tkellem fuq il-konflitt tal-Ukrajna fejn irrepeta s-soltu stqarrijiet dwar l-importanza tal-patrijottiżmu u l-imħabba tiegħu għar-Russja u l-Armata tagħha. Hu faħħar lit-truppi Russi li qal qegħdin jiġġieldu b’kuraġġ kbir waqt il-kampanja militari speċjali li għaddejja fl-Ukrajna – u meta Putin għadu sallum jirrifjuta li juża l-kelma ‘gwerra’.

Sadanittant, il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, illum, iltaqa’ mal-Mexxejja tal-Istati tal-Lvant imsieħba fin-NATO u li huma magħrufa bħala ‘The Bucharest Nine’.

Il-laqgħat fil-belt ta’ Varsavja, il-kapitali tal-Polonja, kienu parti integrali taż-żjara ta’ Biden fl-Ewropa…Żjara li bbażat fuq id-difiża tad-demokrazija.

L-Alleati tan-NATO, bħalissa, qed iħejju aktar għajnuna lill-Ukreni u waqt id-diskors tiegħu f’Varsavja, Biden qal  li l-konflitt fl-Ukrajna ma jinvolvix biss il-libertà tal-Ukrajna iżda anki l-futur tad-demokraziji madwar l-Ewropa u fi bnadi oħra tad-dinja. Hu tkellem dwar ‘l-impenn sagru tal-Istati Uniti lin-NATO u sostna li Washington se jiddefendi kull pulzier tal-art tal-pajjiżi-membri tal-Alleanza fi żmenijiet ferm delikati għall-Punent u l-kumplament tad-dinja.

Tkellem anki Jens Stoltenberg, is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO,  li sostna li qatt qabel ma eżistiet sens ta’ għaqda hekk soda qalb l-Istati tal-Alleanza. Is-Segretarju-Ġenerali tenna wkoll li l-President Russu, Putin, qed jipprepara għal aktar xhur ta’ gwerra u mhux għal paċi u li f’din is-sitwazzjoni, il-pajjiżi membri tal-Alleanza ma jistgħu jżommu lura qatt mill-appoġġ lill-poplu Ukren.