Lokali Saħħa

Il-Koalizzjoni ‘Inti Tista’ Ssalvani’ tinsisti mal-Prim Ministru kontra l-abort

Kienu ilhom minn Diċembru jitolbu laqgħa

L-Erbgħa rappreżentanti tal-Koalizzjoni Inti Tista’ Ssalvani kellhom laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela f’Kastilja fejn saħqu fuq l-importanza li jsiru bidliet fl-emenda li se ddaħħal l-abort f’pajjiżna.

Il-Koalizzjoni kienet irrappreżentata minn Miriam Sciberras u Tonio Fenech mill-Fondazzjoni Life Network, Konrad Borg, Daniel Farrugia u Helga Consiglio minn Doctors for Life.

Il-Koalizzjoni ppreżentat it-tħassib tagħha dwar l-Abbozz ippreżentat lill-Parlament u spjegat għaliex fil-forma preżenti tagħha jintroduċi l-abort. Il-koalizzjoni tenniet il-pożizzjoni tagħha hekk kif qalu li din l-emenda tippermetti l-abort għal kull raġuni li tinkludi s-saħħa mentali u allura hekk din l-emenda tgħaddi kif inhi l-abort ikun daħal f’pajjiżna. Huma qalu li l-ħajja tat-tarbija wkoll trid tkun protetta.

Il-koalizzjoni mhix kontra t-titjib tal-liġi attwali biex tipprovdi aktar ċarezza u protezzjoni lit-tobba u n-nisa li jiffaċċjaw kumplikazzjonijiet ta’ theddida għall-ħajja waqt tqala u li jeħtieġu intervent mediku li jista’ jipperikola l-ħajja tat-tarbija.

Il-koalizzjoni tittama li l-Gvern jieħu r-rakkomandazzjonijiet ippreżentati waqt din il-laqgħa.