Żdied l-inkwiet dwar il-kriżi tal-ikel fil-Korea ta’ Fuq, bis-sitwazzjoni qed issir dejjem aktar kronika – tant li l-ogħla uffiċjali komunisti qed iħejju laqgħa għall-aħħar tax-xahar biex jiddiskutu ‘bidliet fundamentali’ għall-politika relatata mal-agrikoltura.
Filwaqt li l-Korea komunista kemm-il darba għaddiet minn perjodi diffiċli assoċjati mal-produzzjoni tal-ikel, il-kontrolli mal-fruntiera, il-kundizzjonijiet tat-temp xejn favorevoli u s-sanzjonijiet mill-Punent komplew jixprunaw il-kriżi attwali sal-punt fejn mistenni jilħaq livell katastrofiku.
L-awtoritajiet komunisti, fil-fatt, qed jirrealizzaw ‘l-importanza tal-impenn lejn l-aġġornament tal-politika agrikola’ u fi żmien diffiċli ħafna għall-biedja fil-Korea ta’ Fuq.
U filwaqt li l-kriżi qed tagħfas, il-Politburo fi Pyongyang jidher li aktar ħsiebu fil-wirjiet tas-saħħa militari u l-provi tal-missili għal fuq id-distanzi twal. Dan ukoll meta l-awtoritajiet komunisti esprimew ‘xettiċiżmu kbir’ dwar l-offerti tal-għajnuna (fil-forma tal-ikel) minn barra fost akkużi li ‘il-barranin għandhom l-iskopijiet ulterjuri’.
Sadanittant, il-Ministeru tal-Korea t’Isfel responsabbli mill-impenji għar-reunifikazzjoni tal-Istati Koreani hu wkoll preokkupat ħafna dwar il-kriżi tal-ikel attwali fl-artijiet tal-ġar u fejn talab lill-World Food Programme (WFP) għall-għajnuna urġenti lill-Korea komunista.
//= $special ?>