Lokali

Il-paga medja ta’ immigrant hija ta’ €10,000 fis-sena

Il-paga medja ta’ immigrant li jaħdem f’pajjiżna hija ta’ €10,000 fis-sena.

Dan ħareġ fil-white paper ippubblikata mill-YMCA li trattat is-sitwazzjoni reali tal-persuni bla saqaf fuq rashom, l-immigrazzjoni kif ukoll l-inklużjoni soċjali. Dan id-dokument jiddiskuti seba’ suġġetti fosthom is-sitwazzjoni preżenti tal-immigranti li jinsabu bla saqaf fuq rashom, il-forom ta’ skjavitu fil-ġurnata tal-lum bħal kundizzjonijiet tax-xogħol miżerabbli kif ukoll soluzzjonijiet għall-akkomodazzjonijiet.

Skont dan id-dokument, l-immigranti jsibuha diffiċli immens sabiex jafdaw nies li qed jipprovdu servizzi dan għaliex ħafna drabi jingħataw informazzjoni skorretta. Kaġun t’hekk jispiċċaw jgħixu ħajja b’kundizzjonijiet miżeri b’ħafna nuqqasijiet.

Barra minn hekk, jissemma wkoll li l-immigranti jsibuha diffiċli sabiex jikkomunikaw minħabba li ma jkunux jafu l-lingwa u dan qed inaqqas l-opportunitajiet fl-impjieg u b’hekk jispiċċaw f’riskju li jitilfu l-post fejn jgħixu. Il-YMCA tissuġġerixxi l-possibilita li tinħareġ direttiva sabiex dawn in-nies jitgħallmu l-lingwa Ingliża.

Dan id-dokument jitfa’ d-dawl fuq il-fatt li l-immigranti li jaħdmu f’sit ta’ kostruzzjoni saħansitra jispiċċaw jorqdu f’dan is-sit bħala forma ta’ ħlas. U għalhekk, dawn ma jkollhomx il-bżonnijiiet bażiċi. Barra minn hekk, dawn ikunu mċaħħda mill-benefiċċji kollha tax-xogħol fosthom li jitħallsu b’paga minima.

Minn naħa l-oħra, kaġun tal-pagi baxxi l-immigranti ma jkunux jistgħu jsibu post affordabli fejn jgħixu jew inkellha jispiċċaw jonfqu l-maġġoranza tal-paga fil-kirja tal-post. Dan id-dokument jappella lill-Gvern biex jibni aktar residenzi affordabli kif ukoll jirrestawra bini abbandunat sabiex tonqos din il-problema.

Dan id-dokument jisħaq fuq l-importanza ta’ tibdil fir-regolamenti li jridu jsegwu l-immigranti sabiex jonqos l-abbuż kif ukoll ikollhom kundizzjonijiet aħjar f’ħajjithom.