Lokali Parlament

Il-pajjiż qed ifalli fl-edukazzjoni sostenibbli

Justin Schembri, PN

Id-deputat Nazzjonalista Justrin Schembri qal fil-parlament li l-pajjiż qed ifalli fl-edukazzjoni sostenibbli u għalhekk jeħtieġ azzjoni biex l-edukazzjoni tasal għand l-istudenti kollha bl-istess mod irrispettivament mill-faxxa tas-soċjetà li huma jkunu ġejjin minnha.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament fid-dibattitu dwar l-iżvilupp sostenibbli, Justin Schembri dwar l-edukazzjoni sostenibbli u qal li fir-Rapport dwar l-Iżvilupp Sostenibbli m’hemmx definizzjoni ta’ edukazzjoni sostenibbli. Hu qal li r-rapport isemmi żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-30 sena u jenfażizza l-importanza li dawn ikunu valutati u mismugħa. Fl-istess waqt statistika tal-Eurostat turi li Malta hi minn tal-aħħar fost iż-żgħażagħ li ma jkomplux jistudjaw jew jitħarrġu.

Hawn istituzzjonijiet edukattivi terzjarji li fihom ikun hemm żgħażagħ li ma jkunux laħqu livell iżda m’hemmx pjan koerenti u konkret bi strateġija u viżjoni għal dawn l-istudenti li jidħlu fl-MCAST u ma jkollhomx biżżejjed ħiliet biex ikomplu għaddejjin minn sena għall-oħra. Dawn qed iwassal għal numru ta’ żgħażagħ li jintilfu wara 11-il sena ta’ edukazzjoni obbligatorja irrispettivament mill-policies u statistika sabiħa.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li m’hemmx grupp strateġiku biex jara l-implimentazzjoni tal-policies. Hu tkellem dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali u qal li l-istess pjan qed juri li wieħed min kull erba’ tfal huma f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.

Dan hu ta’ inkwiet nazzjonali għaliex hemm rabta perikoluża bejn l-esklużjoni soċjali u l-flaqar u s-suċċess akkademiku. Il-pajjiz għandu 50% tat-tfal u żgħażagħ li għax għandhom passat żvantaġġ mhux jilħqu l-miri ta’ żvilupp bażiku.

Hu qal li minkejja li hemm tnaqqis fin-numru ta’ studenti li jitilqu kmieni mill-iskola, xorta qed ikun hemm numru ta’ studenti li mhux ikollhom il-ħiliet bażiċi bil-konsegwenza li wara ftit xhur dawn kollhom jieqfu milli jkompli javvanzaw.

Hu qal li tifel minn kull erba’ jinsab f’riskju ta’ faqar u sostna li aktar minn 50% tat-tfal li ġejjin minn sitwazzjonijiet żvantaġġjati ma jirnexxilhomx ikomplu jimxu ‘l quddiem.

Jirriżulta li madwar 80% taż-żgħażagħ ma jemmnux lis-sistema edukattiva tista’ titjieb. Dan juri li ż-żgħażagħ Maltin m’humiex komdi jistudjaw fis-sistema preżenti u għalhekk il-pajjiż qed ifallu fl-edukazzjoni sostenibbli. Il-vjaġġ ta’ edukazzjoni sostenibbli għandu jkun mibni fuq l-importanza li kull student jasal li jkollu l-edukazzjoni ekwa fil-qofol tiegħu, sostna id-deputat Nazzjonalista Justin Schembri.