Lokali Parlament

Il-proġetti ħodor fil-lokalitajiet għandhom ikunu sostenibbli

Graziella Galea, PN

Id-deputat Nazzjonalista Graziella Galea qalet fil-parlament li l-proġetti ħodor fil-lokalitajiet, li fihom se jsir investiment ta’ €700 miljun, għandhom ikunu sostenibbli.

Fid-dibattitu dwar ir-rapport fuq l-iżvilupp sostenibbli, Graziella Galea qalet li r-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu implimentati l-aħjar mod u għalhekk għandha ssir ħidma iktar milli hemm fir-rapport. Hi semmiet is-settur ekonomiku u qalet li m’għandiex issir ħsara lil xi settur jew lis-soċjetà ġenerali. Id-deputat Nazzjonalista kompliet li jrid ikun assigurat li l-poplu li jgħix f’Malta jagħti kontribut biex l-għajnijiet tal-iżvilupp sostenibbli jintlaqħu.

Wieħed minn kull ħames persuni li jgħixu f’Malta llum mhux Malti u għalhekk kulħadd għandu jifhem il-kulturi ta dawn il-persuni. Għalhekk kull inizjattiva trid tkun komunikata lil kulħadd irrispettivament mil-liema pajjiż ġej. Fil-pajjiz hawn madwar 100,000 persuna barranija li tgħix f’Malta.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li ċertu metodi ta’ għajxien ta’ dawn il-barranin m’humiex dawk li li huma adatti mill-poplu Malti partikolarment fis-settur tad-djar u l-ammont ta’ persuni li jgħixu fihom.

Graziella Galea tkellmet dwar l-ilma u qalet li anki l-ilma maħmuġ jista’ jintuża; jeħtieġ li din ir-riżorsa tkun ikkunsidrata anki fil-kuntest taż-żieda fil-popolazzjoni. Hi kompliet li l-infrastruttura għandha taqdi l-ħtiġijiet tal-lum anki fil-kuntest li l-indikazzjonijiet huma li l-popolazzjoni se tkompli tiżdied u għalhekk se tikber il-pressjoni fuq is-servizz tal-ilma u tad-drenaġġ.

Graziella Galea semmiet il-lokal ta’ San Pawl il-Baħar bħala eżempju ta’ kif lokalità żgħira llum żviluppat f’waħda mill-iktar lokalitajiet popolati bi pressjonijiet kbar fuq is-serviziz li orġinarjament kienu saru għal post ta’ vileġġatura.

Id-deputat Nazzjonalista semmiet l-ilma tat-tieni klassi u qalet li l-pjan oriġinali għadu ma twettaqx. Hi qalet li l-proġett tax-Xemxija għadu ma tlestiex tant li llum hemm nuqqas ta’ sigurtà fix-xogħlijiet li qed isiru fit-toroq.

Graziella Galea qalet li l-bdiewa għandu jkollhom iktar għajnuna minn dik imsemmija fir-rapport u enfażizzat li l-art agrikola ma titteħidx mingħand l-istess bdiewa. Għandu jkun hemm kontroll fuq il-prezzijiet tax-xiri tal-art agrikola biex il-bdiewa jkunu jistgħu jixtru l-art li huma jaħdmu.

Hi semmiet ukoll il-Magħtab u qalet li għandu jkun assigurat li l-inħawi ma joħolqux problemi għar-residenti. Il-miżuri li ttieħdu ma tawx ir-riżultati għaliex xorta gġad hemm l-irwejjaħ.

Dwar il-proġett ta’ spazji ħodor fi porġett ta’ €700 miljun, Graziella Galea qalet li hemm kontroversja dwar 5,000 metru kwardu ta’ art agrikola tal-gvern se tinħareġ għall-bejgħ minflok tibqa’ ħadra u staqsiet kemm se jkun jista’ jsir bini ogħli f’din iż-żona.

Meta tkellmet dwar ir-raħħala Graziella Galea, qalet li l-materjal li jkun hemm fl-irziezet għandu jintuża għall-enerġija. Hi semmiet il-ġbir tal-iskart f’San Pawl il-Baħar u appellat biex l-informazzjoni tasal għandu kull persuna li tgħix fil-lokalità minħabba li fil-lokal hemm numru kbir ta’ persuni barranin jgħixu.