Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell teżonera lill-għaddas li kien instab ħati li kkaġuna l-mewt ta’ mara

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ezonorat lil raġel ta’ 60 sena minn Tas-Sliema li kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati u ngħata sentenza sospiża wara li kienet sabitu ħati li kkaġuna l-mewt ta’ Christine Gauci b’negliġenza meta kienu qed jgħoddsu f’Għawdex tliet snin ilu.

Il-Qorti tal-Appell ma qablitx mat-teżi tal-Ewwel Qorti li Arthur Castillo li hu kellu tort għall-mewt tal-mara ta’ 35 sena li kienet suldat mal-Forzi Armati. Hija kienet mietet waqt li kienet qed togħdos f’Imġarr ix-Xini, f’Jannar tal-2020. Permezz ta’ din is-sentenza Castillo ma baqax jinżamm responsabbli għall-qtil involontarju ta’ Gauci, minħabba li sostniet li hu kien ħa l-prekawzjonijiet kollha qabel niżlu jgħoddsu u anke għen lill-vittma meta sabet ruħha f’diffikultà.

L-Ewwel Qorti kienet sabitu ħati u żammitu responsabbli tal-inċident għax qalet li hu kien assuma li l-vittma setgħet tkompli togħdos minkejja d-diffikultajiet li sabet ruħha fihom malli qabżet togħdos miegħu. Castillo kien ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li l-Qorti tal-Maġistrati kienet tenniet li naqas milli jżomm kuntatt ma’ Gauci “biex jara li għadha sew il-ħin kollu,”u dan  minkejja li l-akkużat kien qal fil-Qorti li kien imħarreġ fir-‘rescue diver training’.

Fl-appell tiegħu Castillo qal li l-Prosekuzzjoni riedet tressaq il-provi tal-kawża propja tal-mewt tagħha, jiġifieri jekk il-vittma mititx minħabba nuqqas ta’ demm lejn qalbha jew għax għerqet. Huwa kien ikkontesta l-fatt li l-Ewwel Qorti njorat għal kollox il-konklużjoni tal-espert legali li kkonkluda li ma kienx hemm lok għala jittieħdu passi kriminali kontrih.

Castillo qal li Gauci kienet għadassa b’aktar esperjenza minnu tant li qal kienet impjegata bħala bugħaddas mill-Forzi Armati u kienet ukoll ‘instructor’. Saħaq li hu ma setax jitla’ wara Gauci f’wiċċ il-baħar bl-istess mod għax kien jipprerikola ħajtu.

l-Qorti tal-Appell, laqgħet l-argument li Castillo ma kienx qed jaġixxi bħala instructor tal-vittma iżda kienu ħbieb li jinżlu jgħoddsu flimkien u li għamluha kemm-il darba. Minħabba f’dan il-fatt l-Imħallef Scerri Herrera laqgħet it-talba tiegħu li hu ma kienx responsabbli tagħha. Anzi Castillo assista lill-vittma fl-intoppi li sabet fl-ilma u li qabel niżlu jgħoddsu għamel il-verifiki kollha neċessarji. Qalet li meta sparat ‘il fuq ma marx warajha għax kif xehed l-espert kieku għamel hekk kien ikun hemm żewġ fatalitajiet.

Kien għalhekk li l-Qorti tal-Appell sabet li Castillo ma kienx negliġenti u ma setax jevita dan l-inċident u lliberatu minn kull ħtija. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci