Il-Prinċep Harry tal-Ingilterra u martu Meghan – jew aħjar id-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex – ċaħdu li beħsiebhom ifittxu l-persuni responsabbli mill-cartoon komiku South Park għall-malafama.
Dan wara li episodju tas-sensiela, bl-isem The Worldwide Privacy Tour, jibbaża fuq żewġ karattri li jixbħu ħafna lil Harry u Meghan…Karattri li f’dan l-episodju jidhru waqt li qed iduru madwar id-dinja huma u jinsistu biex in-nies u l-istampa ‘jirrispettawlhom il-dritt għall-privatezza.’
Il-messaġġ, hawnhekk, kien wieħed sarkastiku fis-sens li l-vera Duka u Dukessa, kuntrarju għal kliemhom, ma jitilfu qatt opportunità għall-pubbliċità jew biex ikunu ċ-ċentru tal-attenzjoni għall-media tad-dinja.
L-episodju partikulari, li hu twil 22 minuta, ixxandar matul il-ġimgħa l-oħra u issa l-kelliema għal Harry u Meghan ċaħdu kategorikament li l-koppja tinsab irrabjata talli setgħet twaqqgħet għaż-żufjett permezz tal-karattri fittizji. L-istess kelliema komplew li Harry u Meghan fl-ebda ħin ma ħasbu biex jipproċedu bil-mezzi legali kontra l-produzzjoni ta’ South Park.
Is-sensiela South Park, li l-imħuħ warajha huma Trey Parker u Matt Stone, kienet ippreżentata għall-ewwel darba fuq Comedy Central fl-1997 u ta spiss tibbaża fuq il-karattri simili għall-uċuh famużi.
//= $special ?>