Lokali

Jittieħed l-Isptar b’urġenża wara li ġarrab grieħi gravi f’inċident tat-traffiku f’Ħal Lija

Raġel ta’ 31 sena residenti l-Għargħur, kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei b’urġenża wara li ġarrab xi grieħi f’inċident tat-traffiku f’Ħal Lija.

Dan il-każ seħħ għall-ħabta tas-1.30 ta’ waranofsinhar tat-Tlieta fi Triq Pantar, Ħal Lija.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Isuzu ELF, misjuq minn raġel ta’ 28 sena residenti l-Qrendi u mutur Honda NSC110 misjuq mill-vittma.

Ix-xufier tal-mutur ingħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-isptar b’ambulanza u ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.