Lokali

“Kull persuna ħaqqha ċans ieħor fis-soċjetà” – Bernard Grech

“Kull bniedem ħaqqu jingħata ċans ieħor fis-soċjeta’ u għandna naprezzaw li għaqdiet bħall-Caritas jagħmlu minn kollox sabiex dan ikun possibli għall-priġunieri.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Erbgħa filgħodu żar il-Prisoners Inmates Programme li jsir f’residenza f’Baħar iċ-Ċagħaq.

F’din ir-residenza l-priġunieri li jbatu mill-vizzju tad-droga jingħataw l-opportunita’ li jiskontaw l-kumplament tas-sentenza tagħhom hemmhekk b’ċertu libertà filwaqt li jieħdu l-kura meħtieġa sabiex jegħlbu l-vizzju tad-droga.

Bernard Grech, li kien akkumpanjt mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, saħaq li għandna naprezzaw li għaqdiet bħall-Caritas joffru din l-għajnuna sabiex persuna li tiskonta sentenza l-ħabs tmur lura fis-soċjeta’ bħala persuna riformata.

Ritratt: Matthew Tabone

Barra minn hekk, Bernard Grech qal li persuna li tifhem il-konsegwenzi ta’ għemila tkun persuna aħjar kemm għaliha nnifisha kif ukoll għall-qraba u għas-soċjeta. Huwa qal li għalkemm dawn in-nies kellhom il-vittmi kaġun ta’ dak li għamlu, huma wkoll huma vittmi minħabba l-vizzju tagħhom.

Ritratt: Matthew Tabone

Minn naħa tiegħu d-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt spjega iktar fid-dettall x’isir f’dan il-programm li kien beda fis-snin disgħin. Anthony Gatt qal li dan il-programm huwa magħruf bħala Prisoners Inmate Programme fejn madwar għaxar xhur qabel ma tispiċċa s-sentenza priġunier jintbagħat f’din ir-residenza fejn ikollu ċertu responsabbilitajiet. F’din ir-residenza huma jkollhom sessjonijiet ta’ terapija kif ukoll jibgħataw il-privileġġ li joħorġu dejjem taħt superviżjoni.

Anthony Gatt qal li dawn in-nies jgħixu flimkien qishom familja filwaqt li jingħataw il-kura meħtieġa. Hekk kif meta dawn il-persuni jkunu skontaw din is-sentenza jkunu jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom lis-soċjetà.

Din iż-żjara saret bħala parti mill-impenn li qed iwettaq il-Partit Nazzjonalista fejn matul din il-ġimgħa qed jiffoka aktar mis-soltu fuq il-qagħda tal-Ġustizzja Soċjali fis-soċjetà tal-lum, bit-tama li tittieħed azzjoni konkreta u biex, bħala pajjiż, inkomplu naħdmu għall-ġid komuni, filwaqt li nkomplu nippromwovu l-ġustizzja soċjali. Bil-qofol jintlaħaq f’Konferenza li se ssir fil-Kamra tar-Rappreżentanti l-Ħamis li ġej fid-9.30am.