Mara nżammet taħt arrest preventiv wara li ġiet akkużata li serqet minn anzjan li kien taha kenn, qabel ma għebet mingħajr traċċa. L-Ispettur Ian Vella ressaq il-qorti lil Riccarda Aigbe ta’ 42 sena, ċittadina Awstrijaka, taħt arrest quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.
Aigbe kienet mixlija li fid-9 ta’ Novembru tas-sena li għaddiet wettqet serq aggravat ta’ mowbajl u flus kontanti mingħand il-vittma ta’ 72 sena. Hija ġiet akkużata wkoll li għexet ħajja inattiva u ta’ vagabondaġġ. Il-Qorti kienet infurmata li l-Pulizija ma setgħetx tintraċċa lill-mara għal diversi xhur.
Hija kienet ġiet arrestata t-Tlieta wara li ntlemħet minn uffiċjali tal-Pulizija tal-komunità. Mill-iżbarra, Aigbe qalet lill-Qorti li kienet toqgħod il-Furjana, iżda l-Ispettur spjega li l-mara kienet tat diversi indirizzi differenti lill-Pulizija u li l-indirizz li kienet għadha kif qalet lill-Qorti li kienet toqgħod fih, fil-fatt kien ta’ terza persuna.
“Ngħix hemm ma’ ħabiba tiegħi,” insistiet l-akkużata, li qalet li ilha tgħix Malta għal diversi snin. Il-vittma ta’ 72 sena kien qal lill-Pulizija li kien ilu jżomm lill-mara għal ftit ġimgħat. Ġurnata waħda, kienet qaltlu li riedet tmur fl-uffiċini tas-Sedqa, u hu kien offra li jeħodha hemmhekk hu stess.
Qabel telaq ir-raġel kien mar it-toilet u meta ħareġ sab lill-mara kienet telqet u l-mowbajl tiegħu nieqes, flimkien ma’ xi flus kontanti. Huwa qal lill-Pulizija li aktar tard sab lill-mara “moħbija” fi Triq is-Serkin, il-Marsa u kien iffaċċjaha. Irritornatlu l-mobajl u mbagħad ħarbet wara li qalilha li kien se jċempel lill-Pulizija.
L-Ispettur Vella esebixxa wkoll il-mowbajl tal-akkużat, li fuqu nstab ritratt tal-passaport tagħha, bħala prova. Fil-Qorti, Aigbe ċaħdet kemm-il darba li serqet xi ħaġa u qalet li ma kinitx ħatja. Għalkemm saħqet li kienet tgħix ma’ ħabiba fil-Furjana, l-imputata ma setgħetx tagħti l-indirizz jew l-isem sħiħ ta’ sieħba tal-appartament tagħha, li isimha qalet kien Sunday.
Aigbe qalet lill-Qorti li kienet ilha taħdem f’supermarket iżda kienet waqfet tliet xhur ilu. “Irrid immur lura lejn pajjiżi l-ġimgħa d-dieħla,” hija qalet. It-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-avukat difensur Daniel Attard, kienet oġġezzjonata mill-Ispettur, li rrimarka li n-nuqqas ta’ indirizz fiss ta’ Aigbe u x-xewqa ddikjarata tagħha li titlaq minn Malta ma jagħtux serħan tal-moħħ li ma kinitx se tipprova taħrab.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għal-libertà proviżorja, u qalet li l-mara ma kellha l-ebda rabtiet reali ma’ Malta, kif ukoll minħabba l-fatt li l-vittma kienet għadha ma xehdetx. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
//= $special ?>