Lokali

National Lottery u The Convenience Shop jiffirmaw memorandum ta’ ftehim

Instant Scratch Cards se jinbiegħu mill-ħwienet ta’ The Convenience Shop

Malta, 20 ta’ Frar, 2023 – National Lottery plc l-operatur tal-lotterija nazzjonali ta’ Malta u The Convenience Shop ikkonkludew Memorandum of Understanding (MOU) li bih il-partijiet qablu dwar mudell ta’ distribuzzjoni li permezz tiegħu National Lottery plc se tqassam il-portafoll ta’ prodotti Instant Scratch Card permezz tan-netwerk ta’ The Convenience Shop.

National Lottery plc, li ħadet f’idejha l-operat tal-lotterija nazzjonali ta’ Malta f’Lulju 2022 se tkun qed tniedi l-prodotti tagħha Instant Scratch Cards fit-tieni trimestru tal-2023 taħt l-isem SCRATCHIZ. Is-sett inizjali ta’ tmien prodotti differenti ta’ scratch cards se jkunu disponibbli permezz tan-netwerk ta’ 86 Convenience Shop li jinsabu mifruxin strateġikament madwar Malta. L-MOU jippermetti lil National Lottery plc testendi n-netwerk ta’ ħwienet li se jkunu awtorizzati li jbigħu l-firxa sħiħa ta’ Scratch Cards taħt il-marka SCRATHIZ.

“Ninsabu kuntenti ħafna b’dan il-ftehim ma’ The Convenience Shop bis-saħħa ta’ liema ser inwessgħu l-firxa tal-bejgħ tal-prodott SCRATCHIZ li ssa ser ikun disponibbli fil-ħwienet tal-marka The Convenience Shop” qal Franco De Gabriele, Uffiċjal Kap Kummerċjali ta’ National Lottery plc. “Ilna naħdmu bla waqfien biex inkunu f’pożizzjoni li nżidu l-prodott Instant Scratch Card mal-portafoll eżistenti tagħna ta’ prodotti tal-lotterija u ninsabu ferħanin li sibna distributur tal-kalibru ta’ The Convenience Shop biex nestendu l-firxa tal-prodotti tagħna Instant Scratch.”

L-Uffiċjal Kap Kummerċjali ta’ The Convenience Shop (Holding), Sharon Sammut, esprimiet l-entużjażmu tal-kumpanija li ngħaqdet fit-tnedija tal-iscratch cards tal-Lotterija Nazzjonali. Hija stqarriet li bħala negozju li dejjem ifittex modi innovattivi biex jespandi l-firxa tiegħu ta’ prodotti ta’ kwalità għolja għall-klijenti tiegħu, huma jaraw din il-kollaborazzjoni bħala opportunità eċċellenti għat-tkabbir. Il-ħwienet tagħhom li jinsabu mferxin strateġikament mal-pajjiż jagħtihom vantaġġ bħala distributuri, u jipprovdulhom vantaġġ distint f’termini ta’ potenzjal ta’ bejgħ. Sadanittant, il-klijenti tagħhom jibbenefikaw minn firxa usa’ ta’ prodotti disponibbli fl-istess post. Essenzjalment, din hi sħubija ta’ benefiċċju reċiproku.

It-tnedija ta’ SCRATCHIZ hi maħsuba għat-tieni trimestru tal-2023 u l-prodotti se jkunu disponibbli għall-bejgħ fil-ħwienet kollha ta’ The Convenience Shop madwar il-pajjiż.