Futbol Sport

Tim Nazzjonali U19: Telfa minima għall-Maltin kontra l-Montenegro

(Ritratt: Stephen Gatt)

MALTA………………1
MONTENEGRO…..2

Skorjaw: Marko Jukic 11′, Nikola Medojevic 17′ (Montenegro), Brooklyn Borg 19′ (Malta)

Wara d-draw ta’ mingħajr gowls kontra l-Montenegro is-Sibt li għadda, it-tim Nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena sofra telfa ta’ 2-1 kontra l-istess tim. It-tim nazzjonali, minkejja r-riżultat, ikkontrolla tajjeb il-logħba u kien sfortunat li ma kisibx il-gowl tad-draw fit-tieni taqsima.

Hekk kif dawn il-logħbiet ma kienux qed jintlagħbu fil-kalendarju oriġinali tal-logħbiet internazzjonali, il-klabbs ma kienux obbligati li jħallu l-plejers tagħhom jingħaqdu mat-tim Nazzjonali u għalhekk l-iskwadra kellha nieqsa l-plejers li jilagħbu barra minn xtutna li huma, Lucas Caruana (Sampdoria), Basil Tuma (Reading), Braden Flannery (UNLV Rebels, USA), Lucas Scicluna (Wolverhampton Wanderers) u Alfie Bridgman (Bognor Regis). L-uniċi plejers li jilagħbu barra minn xtutna li kienu parti mill-iskwadra ta’ Antonio Mendez kienu d-duo ta’ Boavista Sean Gatt u Jake Micallef u l-plejer ta’ Loughborough Dynamo, Alex Scicluna.

Il-Montenegro fetħu l-iskor wara 11-il minuta meta kien Milan Jukic li b’xutt mill-isbaħ minn tarf il-kaxxa għeleb lill-goalkeeper Malti Beppa Mangion. L-avversarji tal-Maltin irduppjaw sitt minuti wara permezz ta’ Nikola Medojevic li tefa’ ġewwa wara pass ta’ Balsa Mrvaljevic.

Għaddew biss żewġ minuti u Brooklyn Borg naqqas il-marġni tal-iskor meta mill-viċin għeleb lil Benjamin Krijestarac.

Minkejja t-tentattivi tal-Maltin, bil-plejer ta’ San Ġwann jipprova tliet tentattivi minn barra l-kaxxa, l-iskor baqa’ ma nbidilx bil-Montenegro joħorħu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.

F’Marzu, it-tim Nazzjonali Malti jilgħab żewġ partit ta’ ħbiberija oħra bl-avversarji għad iridu jkunu kkonfermati, b’din id-darba l-iskwadra mistennija tkun kompluta hekk kif din se tkun waqt il-kalendarju tal-logħob Internazzjonali.

Malta
Beppe Mangion, Deacon Abela (Nathan Cope 63), Jake Vassallo (Jake Grech 46), Mattias Ellul, Jake Micallef, Matteo Gambin, Alex Spiteri, Andy Borg (Bjorn Buhagiar 83), Shaisen Attard (Zak Barbara 83), Brooklyn Borg (Ensell Attard 74), Kian Leonardi (Sean Gatt 63).
Coach: Antonio Mendes ‘Toze’

Montenegro
Benjamin Krijestarac, Janko Vukicevic, Luka Bubanja, Rajko Popovic (Balsa Radulovic 76), Romario Camaj, Stefan Radojevic, Matija Delic (Eldin Adrovic 85), Marko Jukic (Haris Durakovic 68), Nikola Medojevic (Seid Adrovic 85), Marko Vracar (Milan Martinovc 85), Balsa Mrvaljevic (Andrija Radonjic 46).
Coach: Goran Perisic