Raġel ta’ 31 sena residenti s-Siġġiewi nqaleb bil-karozza fi Triq tal-Infetti, l-Imdina.
L-inċident seħħ l-Erbgħa għall-ħabta tat-7:45 ta’ filgħodu meta għal xi raġuni s-sewwieq tilef il-kontroll tal-karozza u spiċċa nqaleb.
Ambulanza ssejħet fuq il-post sabiex tieħu s-sewwieq l-Isptar Mater Dei għall-kura iżda huwa rrifjuta din l-assistenza filwaqt li mar f”Ċentru tas-Saħħa.
Ftit tal-ħin wara dan l-inċident Uffiċjal ta’ Transport Malta ntlaqat minn karozza waqt li kien qed jagħlaq din l-istess triq.
Kelliem għall-Pulizija qal li l-karozza li kienet misjuqa minn raġel ta’ 46 sena minn Naxxar laqtet il-mutur tal-Uffiċjal tat-Transport Malta li huwa raġel ta 51 sena. Kaġun t’hekk il-mutur inqaleb fuq l-Uffiċjal u spiċċa sofra minn ġrieħi gravi.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-Uffiċjal tat-Transport Malta l-isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa fejn ftit tal-ħin wara ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
