Tkompli l-kultura tar-riżenji ta’ dawn l-aħħar xhur minn uffiċjali għolja tal-Pulizija bil-ġurnal Times of Malta jirrapporta llum li tnejn minn sitt assistenti Kummissarji tal-Pulizija rtiraw fl-aħħar xahrejn fost tħassib ta’ pressjoni u kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol fil-korp tal-Pulizija.
Stephen Gatt, li kien responsabbli minn sitt distretti tal-Pulizija fit-Tramuntana ta’ Malta u f’Għawdex, ħalla l-korp din il-ġimgħa, u Nezren Grixti, li kien responsabbli mill-operational support units, irtira x-xahar li għadda. Ir-riżenji tagħhom iħallu tliet pożizzjonijiet vakanti fil-livell ta’ Assistent Kummissarju it-tielet l-iktar grad qawwi fil-korp tal-Pulizija. Gatt inħatar assistent kummissarju fl-2014 u Grixti kien ilu fir-rwol sa mill-2017.
It-Times qalet li huwa minnu li ż-żewġ uffiċjali għolja kienu servaw għal aktar minn 25 sena fil-Korp, u għalhekk setgħu jirtiraw madankollu, sorsi fil-Pulizija qalu li r-riżenji tagħhom waslu fi żmien meta diversi uffiċjali tal-Pulizija, speċjalment dawk fil-gradi ogħla, iħossu li ma jistgħux ilaħħqu mal-volum tax-xogħol li qed jiżdied u l-pressjoni li dejjem qesd tikber minn naħa tas-superjuri tagħhom.
Sorsi qalu lil Times of Malta li ħafna uffiċjali għolja mhux qed ifittxu li jieħdu promotions b’ħeġġa daqskemm kienu qabel ma Angelo Gafà sar Kummissarju tal-Pulizija, għax żdiedu l-pressjonijiet tax-xogħol. “Ħafna uffiċjali qed ibatu minn burnout, speċjalment dawk fil-gradi għolja,” qal sors anzjan tal-Pulizija lil ġurnal. Ingħad wkoll li l-Pulizija qed tbati biex ssib l-kwantità u l-kwalità biex jingħaqdu fill-korp. Dan peress li l-paga hija waħda fqira meta kkumparata mar-responsabbilita.
Is-salarju ta’ assistent kummissarju huwa ekwivalenti għal €38,404 fis-sena. L-irtirar tagħhom huwa biss parti żgħira minn eżodu tal-Pulizija fil-livell għolja. Id-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Alexandra Mamo iireżenjat mill-Korp f’Novembru u l-pożizzjoni tagħha, li hija t-tieni wara l-Kummissarju tal-Pulizija, għadha vakanti.
F’Awwissu, is-Supretendent Frank Tabone, li kien maħsub biex isir kap tad-Dipartiment tal-Investigazzjoni tar-Reati Finanzjarji, ukoll ħalla l-Korp biex jibda karriera legali. Spettur ieħor tal-pulizija, Anthony Scerri, li kien responsabbli għal diversi każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli, telaq f’Ġunju li għadda.
//= $special ?>