Waqt Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Ukrajna preżentat riżoluzzjoni sabiex tintemm il-gwerra u tirritorna l-paċi fil-pajjiż wara 12-il xahar ta’ gwerra imdemmija li ħalliet eluf ta’ vittmi. Bil-vot fuq din ir-riżoluzzjoni mistenni jittieħed il-Ħamis filgħodu.
Fil-ftuħ ta’ din il-laqgħa, is-Segretarju Ġenerali tan-NU Antonio Guterres fakkar kif din il-gwerra ġabet magħha l-akbar kriżi ta’ refuġjati minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. U qal li hemm biża’ li l-effetti ta’ din il-gwerra jinfirxu dejjem aktar.
“Il-gwerra mhix is-soluzzjoni. Il-gwerra hi l-problema”, qal Guterres. “Ma nistgħux naħlu aktar ħin”
Csaba Korosi, iċ-Chairperson tal-Assemblea, qal illi l-aggressjoni fuq l-Ukrajna hija illegali, u din il-gwerra qed tħalli effetti kbar lill-pajjiżi kollha membri tan-Nazzjonijiet Uniti. Fost l-oħrajn, essemmiet il-kriżi tal-enerġija u d-daqqa fuq il-provvista tal-ikel u qmugħ.
Waqt il-laqgħa fi New York saret referenza wkoll għat-tħassib serju li jeżisti rigward il-possibbiltà ta’ kriżi nuklejari globali. Dan filwaqt illi twassal messaġġ qawwi minn Korosi illi s-soluzzjoni militari mhix biżejjed, u l-piż huwa fuq ir-Russja biex ittemm din il-gwerra.
“Ir-Russi jridu gwerra, mhux paċi”
Quddiem dawk preżenti, il-Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin qal li t-truppi Russi jridu biss gwerra – mhux paċi.
Il-Ministru Kuleba fakkar kif hu, sena ilu, kien fl-Assemblea tan-NU meta r-Russi daħlu f’pajjiżu. Bl-Ukreni spiċċaw jiġġieldu għal ħajjithom u għal arthom. “Qed niffaċjaw ġenoċidju”, qal Kuleba.
Fid-diskors tiegħu li kien segwit b’attenzjoni kbira minn dawk preżenti fl-Assemblea, il-Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin qal li l-paċi tasal biss b’ġustizzja vera. U biex dan iseħħ irid ikun hemm fost l-oħrajn l-irtirar tat-truppi Russi u li r-reati tal-gwerra jiġu investigati. “Irridu fuq kollox li tintemm il-gwerra”, qal Kuleba.
Hu saħaq li r-Russja trid biss toqtol u teqred.
Waqt din l-istess laqgħa, kienet l-Ukrajna li ressqet riżoluzzjoni quddiem in-NU biex tintemm il-gwerra b’mod immedjat u jkun hemm paċi dejjiema f’dan ir-reġjun Ewropew. Bid-diskors tal-Ministru Kuleba jintlaqa’ b’ċapċipa minn dawk preżenti.
Jgħid li qed issir propaganda kontra r-Russja
Ir-rappreżentant tal-Gvern Russu qal li din hi riżoluzzjoni bla ħsieb u b’dikjarazzjonijiet kontra r-Russja.
Il-kelliem qal li qed issir propaganda kontra pajjiżu, u sejjaħ it-tmexxija fi Kiev bħala reġim neo-Nazzista. U stqarr li “din hi epoka ta’ glorifikazzjoni Nazzista”.
Fid-diskors tiegħu, hu ftaħar kemm il-poplu Ukren għandu għeruq Russi. Hawn, semma’ kif il-Kremlin ried biss jiddefendi lill-poplu tad-Donbas u li r-Russja kienet mhedda mill-influwenzi tal-Punent f’dan ir-reġjun.
Apparti minn hekk, ma ddejjaq xejn juża kliem ta’ kritika ħarxa lejn l-Istati Uniti, bir-rappreżentant tar-Russja jgħid illi “mhijiex l-Ukrajna li qed tiġġieled kontra r-Russja, imma l-Istati Uniti u l-Punent”. Bil-Kanada – fl-istess laqgħa – twieġeb u tgħid li dawn huma dikjarazzjonijiet tad-daħk.
F’ħin minnhom, ir-rappreżentant Russu wasal biex saħansitra stqarr li qed isir “blackmail minn Washington”.
Fi tmiem id-diskors tiegħu, hu qal li r-riżoluzzjoni tan-NU se tgħin biss biex ikomplu l-attakki fuq ir-Russja. U appella biex il-pajjiżi jivvutaw kontriha.
Żewġ emendi imressqa mill-Belarus
Intant, waqt din il-laqgħa, il-Belarus preżenta żewġ emendi għar-riżoluzzjoni oriġinali biex il-kontenut tar-riżoluzzjoni Ukrena ikun jirrifletti t-titlu tagħha u l-fatti kif seħħew.
Il-Belarus qed jgħid li din ma kinitx invażjoni fuq skala totali, kif tgħid ir-riżoluzzjoni. Fl-opinjoni tal-Belarus, ir-riżoluzzjoni Ukrena tonqos meta ma tagħtix indikazzjoni ta’ kif jistgħu jsiru t-taħdidiet għall-paċi. Dan apparti li saret kritika għall-pajjiżi li qed jagħti armi lil Kiev.
“L-emendi qed jitressqu mingħajr aġenda moħbija”, qal il-Ministru tal-Belarus.
Waqt din il-laqgħa tal-Erbgħa fi New York tkellem ukoll Josep Borrell, ir-rappreżentant għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin illi spjega kif hawn id-diskussjoni iddur madwar l-aggressjoni militari li bdiet mir-Russja. U insista li din il-gwerra mhix kwistjoni tal-Ewropa jew tal-Punent kontra r-Russja – imma materja li għandha tħasseb lill-pajjiżi kollha tad-dinja.
Antonio Tajani, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan, stqarr illi hemm bżonn jirdoppja l-impenn biex tintlaħaq il-paċi f’dan ir-reġjun. U appella biex il-pajjiżi jivvutaw favur ir-riżoluzzjoni tal-Ukrajna.
Ir-rappreżentanta permanenti tal-Istati Uniti għan-Nazzjonijiet Uniti Linda Thomas-Greenfield fakkret kif ir-Russja dejjem ċaħdet li kienet se tinvadi lill-Ukrajna – meta l-fatti kienu kompletament l-oppost. “Din kienet gwerra li ma ġietx provokata, u hija attakk fuq in-Nazzjonijiet Uniti”, qalet ir-rappreżentanta Amerikana, “u għalhekk dak tal-lum huwa vot storiku u apportunità għad-dinja”.
Indirizza l-Assemblea anke l-Ministru Malti għall-Affarijiet Barranin Ian Borg, li fid-diskors tiegħu semma’ t-tħassib ta’ Malta għall-fatt li għadha għaddejja din il-gwerra; b’rapporti orribbli li jibqgħu ġejjin mill-Ukrajna.
Il-Ministru kkundanna l-aggressjoni Russa, u fakkar kif din il-gwerra affetwat miljuni ta’ Ukreni.
Malta se tibqa’ twassal messaġġ qawwi biex ir-Russja tirtira t-truppi tagħha mill-Ukrajna, u tirritorna l-paċi fir-reġjun. U insista li t-tmiem tal-gwerra hi l-unika soluzzjoni.
Malta appoġjat ir-riżoluzzjoni tal-Ukrajna, u sejjħet lill-pajjiżi tan-NU biex jagħmlu l-istess.
//= $special ?>